Il-klabbs tal-Premier mill-istaġun li ġej se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn seba’ plejers barranin u 11 iridu jkunu home grown. Din kienet waħda mir-riformi deċiża b’vot qawwi favur waqt il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-MFA li saret illum u li ddiskutiet u approvat ir-riformi l-ġodda tal-istatus tal-plejers.
Fil-laqgħa ġew ippreżentati l-emendi proposti mill-membri tal-Kunsill tal-MFA u mid-delegati tal-klabbs bħala parti minn riforma li għandha tibdel il-futbol lokali b’mod sostanzjali, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ plejers u klabbs, kif ukoll fejn hu konċernat ħlas ta’ trasferimenti.
Il-membri tal-Kunsill tal-MFA ivvutaw ukoll dwar mozzjoni li l-parametri fl-ewwel sena tal-plejer li jkun irid jinbiegħ jonqsu b’50% u fit-tieni sena jonqsu b’25% u jibqgħu hekk. Dan ifisser li l-massimu tal-parametri se jkun ta’ €30,000.
Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo, irringrazzja lil dawk kollha li emmnu f’dawn ir-regolamenti l-ġodda u qal li dawn se jkunu qed jagħtu ħajja liż-żgħażagħ li jkunu jridu jsibu klabb ieħor u ħajja ġdida lil-futbol Malti.
Hu qal li għalkemm kultant ma jkunx hemm qbil bejn il-klabbs u l-MFA, jemmen li ż-żewġ partijiet qed jagħmlu kollox għall-ġid tal-logħba Maltija u dan kien tragward kbir li se jibqa’ msemmi fl-istorja tal-futbol f’pajjiżna.
Darmanin Demajo tenna wkoll li qed jinħadem pjan ta’ rekalamar u kummerċjalizzazzjoni tal-Kampjonat Premier ħalli jkun hemm dħul finanzjarju akbar għall-klabbs li jilagħbu fih imma qal li għadu kmieni għall-kampjonati l-oħra li hu jikkunsidrahom dilettanti.
L-Avukat Chris Bonett li kien il-moħħ wara din ir-riforma irrakkomanda li l-klabbs professjonali Maltin għandhom jinqalbu għal status ta’ Klassi 4 u dan biex jiġu eżentati milli jħallsu kumpens għal taħriġ ta’ xi plejer bħalma kien il-każ tal-Olandiż Sylvano Comvalius ta’ Ħamrun Spartans. Dan iżda jsir biss bl-aspprovazzjoni tal-FIFA wara talba uffiċjali mill-MFA. L-Avukat Bonett qal li l-MFA taħt Darmanin Demjao daħħlet lill-futbol Malti f’era ġdida.
Wara l-Laqgħa Ġenerali, Bjorn Vassallo, Segretarju tal-MFA qal li bħalissa l-MFA tinsab miexja skont il-programm li kellha fil-bidu tal-presidenza ta’ Darmanin Demajo. Hu qal li minn dan kollu se jibbenefika l-futbol Malti inġenerali u speċjalment, it-tim nazzjonali.
Hu qal li l-MFA dejjem tagħmel dak kollu possibli biex tagħti l-importanza tagħha lill-grassroots, kif deher fl-aħħar snin.
“L-iktar ħaġa diffiċli f’din ir-riforma kienet għall-MFA. Kienet riforma diffiċli għax kien hemm ħafna punti. L-MFA kienet taħt pressjoni u ghax illum kien hemm kamra nies quddiemek li ma tafx fejn ikunu u liema naħa jippreferu,” qal Vassallo.
“Din l-amministrazzjoni wriet kuraġġ u motivazzjoni. B’din ir-riforma inbidel dak li ilu staġnat snin. Se jirbaħ l-iżvilupp u l-immaniġġjar tal-futbol. Ma jistax ikun li fil-futbol ‘one size fits all’. Kulħadd għandu dritt jilgħab il-futbol imma issa ġew klassifikati dawk li huma l-Elite u u dawk li huma dilettanti.
Fl-2010 il-klabbs ma kellhom xejn. Din l-amministrazzjoni tal-MFA bdiet mill-grawnds. It-tieni pass, kien kif il-klabbs se jkunu finanzjarjament sodi? U kien hemm dan il-pass ta’ din ir-riforma nħolqu dawn ir-regolamenti. Il-klabbs iridu jiġu sostenibbli minnhom infushom. Dan jista’ jwassal biex fil-Premier ikun hemm l-aqwa klabbs, mhux neċessarjament l-aqwa tim.”
//= $special ?>