Lokali

Emendi ta’ Comodini Cachia jwasslu għal rapport finali dwar in-nisa u l-midja

Il-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni tal-Mediterran adotta rapport li l-verżjoni finali tiegħu saret wara bidliet importanti mill-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia.

Ir-rapport, dwar in-nisa u l-mezzi tal-istampa, li ġie adottat nhar it-Tnejn f’Liżbona fil-Portugall, kien jinkludi bidliet li ressqet l-MEP Nazzjonalista biex in-nisa jiġu trattati bħala sieħba ugwali u kontributuri ndaqs fis-soċjetà mingħajr rappreżentazzjonijiet ta’ sterjotipi.

Comodini Cachia nnegozjat diversi verżjonijiet tat-test finali b’mod partikolari dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kultura. L-Ewroparlamentari Maltija qalet li sfortunatament ħafna mezzi tax-xandir jew tal-istampa għadhom jikkummerċjalizzaw lill-mara u ħafna jirrepetu atteġġjamenti sterjotipiċi. Appellat biex il-midja tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u b’mod partikolari, billi tippromwovi lin-nisa bħala kontributuri lis-soċjetà, lill-ekonomija u lill-politika.