Appell lill-Gvern jibdel l-attitudni u jikkonsulta mal-persuni nieqsa mis-smigħ
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jibdel l-attitudni u l-aġir politiku tiegħu fil-Parlament li meta jressaq l-Abbozzi ta’ Liġijiet jgħid mod u jagħti l-impressjoni li saret konsultazzjoni, u barra l-Parlament l-istess gvern jinkixef li r-realtà hi differenti u li ma tkun saret ebda konsultazzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, tkellem fl-Aġġornament tal-Parlament dwar ir-reazzjoni tal-Għaqda tal-Persuni Nieqsa mis-Smigħ b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li qiegħed jipproponi l-Gvern dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali.
Fid-dibattitu dwar dan l-Abbozz u dwar dak li qiegħed jiġi propost, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kienet tat l-impressjoni fil-Parlament li saret konsultazzjoni mal-persuni nieqsa mis-smigħ. Dakinhar l-Oppożizzjoni kienet ikkritikat lill-Gvern li ma kkonsultax mal-komunità tal-persuni nieqsa mis-smigħ fit-tfassil Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali.
Robert Cutajar, fil-Parlament din il-ġimgħa, irrifera għall-konferenza tal-aħbarijiet li tat l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ fejn intqal lill-media li qatt ma kellha l-opportunità tiddiskuti l-Abbozz dwar il-lingwa Maltija tas-sinjali.
L-impressjoni li ta l-Gvern kienet li dwar dak li kien qed jipproponi, kien hemm konsultazzjoni u qbil. L-affarijiet ma kinux hekk. Id-Deputat Nazzjonalista apprezza l-kuraġġ tal-Għaqda li titkellem, u li l-Opożizzjoni qed tagħti kas ta’ dak li ntqal.
Proposti mill-Oppożizzjoni dwar il-Kumitat tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali
Fisser ukoll li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq emendi biex il-Kumitat tal-Lingwa tas-Sinjali propost fl-Abbozz ta’ Liġi, ikollu maġġoranza assoluta tal-persuni neqsin mis-smigħ. Dan hu punt kruċjali għaliex huma dawn il-persuni li l-aktar li jħossu dawk il-bżonnijiet li jeħtieġu u li huma nieqsa.
“Din hi attitudni li trid tinbidel mill-Gvern li fil-Parlament jgħid mod, u barra jkun jidher evidenti li hu differenti u li mhux minnu”, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni.
Irrifera wkoll għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern l-għada tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Għaqda Persuni Nieqsa mis-Smigħ biex jgħid li dan hu gvern li jisma’ meta l-Għaqda iddikjarat li ma ngħatawx widen mill-Gvern u li ma ġewx mismugħa.
Awgura li l-Gvern, wara li l-Għaqda semmiet leħenha pubblikament, jibda jaġixxi u jisma’.
Irrifera wkoll għal artiklu pubblikat f’The Sunday Times of Malta, iffirmat minn Agnes Bezzina bit-titlu ‘Nothing about us without us’. Fisser li t-titlu tal-artiklu jitkellem waħdu dwar l-importanza li rridu nagħtu lill-vuċi ta’ dawn il-persuni fl-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-persuni neqsin mis-smigħ.
Awgura li l-Gvern jisma’ minn dak li ġie propost u jħares ukoll lejn dokument li hu fil-pussess ukoll tal-Gvern u li kien sar fi żmien Ministru ieħor ta’ dan l-istess Gvern. Dwar dak id-dokument kien hemm qbil mal-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ u l-Gvern illum għandu mhux biss jgħid li jrid jisma’, iżda bil-fatti juri li qed jisma’. Appella għal liġi denja u li tixraq lill-persuni neqsin mis-smigħ li għandhom iħossuhom parti mis-soċjetà.
Il-Gvern baqa’ ma ħatarx Direttur Eżekuttiv għall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà
Robert Cutajar ikkritika wkoll lill-Gvern li minn Frar tas-sena l-oħra, aktar minn sena ilu, il-Gvern baqa’ ma ħatarx Direttur Eżekuttiv għall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà.
Talab lill-Gvern ma jħallix fuq l-ixkaffa u jtella’ fuq l-aġenda tal-Parlament il-proposti tal-Oppożizzjoni għall-awtonomija sħiħa lill-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà u l-emenda Kostituzzjonali biex ma jfixkel xejn lill-persuni b’diżabbiltà.
//= $special ?>