Il-General Workers’ Union mhix teskludi li testendi l-azzjonijiet industrijali anke fil-jiem li ġejjin jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li tirrappreżenta ma titjiebx.
Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Union, Tony Zarb, f’kummenti lil MaltaRightNow.com ftit wara li wasal fit-terminus tal-belt Valletta ftit qabel intemm l-ewwel nofs ta’ nhar ta’ strike mill-ħaddiema tat-trasport pubbliku rappreżentati mill-GWU.
Kummenti simili minn Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali Designate tal-GWU, li iktar kmieni kkonferma li l-istrajk se jkompli waranofsinhar kif ukoll qal li mhux eskluż li l-istrajk ikompli għada.
Il-persuni li dalgħodu kellhom bżonn jużaw it-trasport pubbliku kienu milquta minn diffikultajiet minn dan l-istrajk tal-GWU li kien ordnat mill-union fl-aħħar sigħat.
Il-GWU ordnat strajk b’effett mit-8.00 am sal-11.00 am u mill-4.00 pm sas-7.00 pm ta’ llum, permezz tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni u qed tordna waqfien mix-xogħol fis-sezzjonijiet kollha tal-kumpanija. Jirriżulta li filwaqt li l-ħaddiema membri tal-GWU qed jobdu d-direttivi u qed jipparteċipaw fl-istrajk, il-ħaddiema membrri fil-UĦM m’humiex jieħdu l-istess azzjonijiet.
Dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn ċertu servizzi tat-trasport pubbliku qed jintlaqat mill-istrajk, iżda fl-isteess waqt ikunu servuti mill-ħaddiema membri tal-UĦM. Fit-terminus tal-Belt jirriżulta li kien hemm konfużjoni maħluqa mill-fatt li x-xufiera membri tal-GWU ma bdewx jipparkjaw il-karrozzi tal-linja tagħhom fiż-żona fejn isir l-ipparkjar, iżda qed iħalluha fil-bażi għaliex ikun beda l-ħin tal-istrajk.
Il-kwistjoni li waslet għall-istrajk ordnat mill-GWU titratta tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema li baqgħu mhux ritornati. Il-kumpanija kienet ddeċidiet li twettaq qtugħ mill-pagi tal-ħaddiema meta għal xi raġuni ma jintlaħqux is-sigħat ta’ xogħol kontrattwali.
Il-GWU qalet li fil-liġi hu indikat li ma jista’ jsir l-ebda qtugħ mill-paga jekk ma jkunx hemm kunsens mill-ħaddiem involut. Xi ħaġa li f’dan il-każ ma kienx hemm. Il-GWU qalet li minkejja negozjati li waslu biex ikun evitat l-istrajk tat-2 ta’ Mejju li għadda, il-kumpanija xorta baqgħet tkaxkar saqajha u naqset li tirrifondi l-pagi kif miftiehem.
Fi stqarrija pubblikata lbieraħ b’reazzjoni għall-aħbar dwar l-istrajk, il-Malta Public Transport qalet li tat il-flus kollha dovuti lill-ħaddiema lura, f’xi każijiet qabel id-data li kienet ġiet mifthiema mal-GWU.
Malta Public Transport qalet li hi issodisfat il-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar ġimgħat mal-Union u kull tip ta’ informazzjoni jew azzjoni li qed tieħu l-GWU hija kompletament infondata u tista’ xxekkel il-ftehim li ntlaħaq.
Il-kumpanija tat-trasport pubbliku qalet li l-pubbliku kellu jkun avżat minn qabel bl-istrajk għaliex dan se joħloq inkonvenjent kbir, speċjalment għal min jiddependi fuq it-trasport pubbliku.
Malta Public Transport fakkret li l-azzjoni industrijali t’għada għandha tkun konformi mal-liġi, jiġifieri l-pubbliku għandu jingħata 50% tas-servizz.
Kif qed tintlaqat mill-istrajk tal-karozzi tal-linja? Ibgħatilna email fuq news@media.link.com.mt jew ċemplilna fuq 25965348.
//= $special ?>