Il-Vatikan għaraf formalment Stat Palestinjan permezz ta’ ftehim mal-Vatikan.
Dan hekk kif il-President Palestinjan Mahmoud Abbas fi tmiem il-ġimgħa se jiltaqa’ mal-Papa għall-kanonizzazzjoni ta’ żewġ sorijiet Palestinjani mis-seklu 19.
Dan jifforma parti mill-isforzi tal-Papa Franġisku biex isaħħaħ il-preżenza tal-Knisja Kattolika fil-Lvant Nofsani, hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ Nsara Għarab qed jaħarbu l-vjolenza li hemm.
Iżda uffiċjali tal-Vatikan wissew li għalkemm il-ftehim kien importanti, dan ma kienx jikkonsisti fl-ewwel għarfien uffiċjali mill-Vatikan ta’ Stat Palestinjan. Patri Federico Lombardi, il-Kelliem tal-Vatikan, fakkar li l-Vatikan kien ilu li ta għarfien lil Stat Palestinjan, minn mindu dan sar min-Nazzjonijiet Uniti. Osservaturi qalu li din kienet l-ewwel darba li kien hemm dokument uffiċjali bejn iż-żewġ naħat li jagħti għarfien uffiċjali ta’ Stat Palestinjan mill-Vatikan bil-kitba.
Il-ftehim li sar jiddefinixxi l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika fit-territorju kkontrollat mill-Awtorità Palestinjana. Dan frott ta’ taħditiet li ilhom sejrin għal dawn l-aħħar 20 sena. Il-Vatikan qal li issa li sar il-ftehim kulma jonqos hu l-iffirmar li ntqal se jsir fil-ġejjin qrib. Taħditiet simili għal dawk li kienu konklużi mal-Palestinjani qed isiru wkoll bejn il-Vatikan u Iżrael imma s’issa ma kienx hemm qbil.
Il-ftehim mal-Palestinjani kien ikkritikat ħafna minn Iżrael li qal li ma kienx se jgħin fil-proċess ta’ paċi.
Għarfien ta’ Stat Palestinjan mill-Vatikan
