Joseph Muscat mir-Rabat, Għawdex, qiegħed jgħin lill-Pulizija ta’ Għawdex wara li tard l-Erbgħa filgħaxija nqabad fil-fatt jaħdem logħob tan-nar f’container faċċata tar-residenza tiegħu.
Is-Supretendent Anzjan Antonello Grech qiegħed direttament imexxi hu l-investigazzjonijiet dwar din is-sejba importanti fejn allegatament jidher li Joseph Muscat, dilettant sew tal-logħob tan-nar, kien qiegħed jimmanifattura xi logħob tan-nar għall-festi f’container fi triq ta’ bejn ir-Rabat u l-Munxar.
Kienu rapporti li waslu lill-Pulizija jmorru immedjatament fil-post indikat lilhom u dan wassal għal din is-sejba ta’ logħob tan-nar u materjal ieħor f’dan il-container preċiżament quddiem Dar Manresa ħdejn il-Kunvent tal-Ġiżwiti fir-Rabat. Proprju f’Dar Manresa jkunu ta’ spiss organizzati rtiri u seminars.
Il-Pulizija mhux biss arrestat lir-ragel, iżda żammitu arrestat biex jgħin fl-investigazzjonijiet li qed isiru b’rabta ma’ din is-sejba. Bis-sejba kienu infurmati wkoll il-Bomb Disposal Unit tal-Forzi Armati ta’ Malta li issa jridu jelevaw il-materjal kollu misjub minħabba l-periklu kbir li dan iġib miegħu.
//= $special ?>