Lokali

Iktar djar f’Malta b’persuna waħda milli b’iktar

Ritratt mill-Arkivji

F’Malta hawn iktar djar b’persuni persuni jgħixu weħidhom milli dawk li fihom jgħixu tnejn min-nies jew iktar.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familji, imfakkar min-Nazzjonijiet Magħquda fil-15 ta’ Mejju, ħareġ ċifri dwar il-familji f’Malta.

Fl-2013, Malta kellha 22.8% tad-dar abitati li kienu magħmula minn persuni jgħixu weħidhom. Fost id-djar bit-tfal, l-iktar komuni kienu djar li fihom kienu jgħixu żewġ adulti u żewġt itfal, bir-rata ta’ 12.1%.

Għal darb’oħra, fl-2013, l-iktar faxxa ta’ nies li kienet f’riskju ta’ faqar, fil-livell ta’ 41.9%, kienet dik magħmula minn ġenitur wieħed responsabbli għal tfal, li kellha wkoll l-ikbar rata ta’ esklużjoni soċjali fil-livell ta’ 60%.

Kien hemm ukoll 44,340 familja li kienu eliġibbli biex jieħdu ċ-children’s allowance fl-2014 u 1,020 familja li gawdew mill-benefiċċju għal tfal b’diżabilità. Kien hemm ukoll 3,378 mara li ħadet il-benefiċċju tal-maternità.

Fl-2013, kien hemm 8,048 tifel u tifla ta’ 12-il sena jew inqas, li kienu jgħixu fi djar privati, li kienu qed jattendu faċilitajiet edukattivi qabel l-età tal-iskola għal medja ta’ 27 siegħa fil-ġimgħa. Kien hemm 30,471 tifel u tifla oħra li kienu qed jattendu l-iskola obbligatorja għal medja ta’ 30 siegħa fil-ġimgħa. 9,051 tifel u tifla kienu qed jattendu medja ta’ 4 sigħat fil-ġimgħa f’day care centres.

Ir-rata tax-xogħol għal dawk “single” kienet ta’ 62.2% waqt li għal dawk bil-familja kienet ta’ 63.3%, imma waqt li fost l-irġiel ir-rata tax-xogħol kienet ta’ 83.5%, dik għan-nisa kienet biss ta’ 44.1%. Fost dawk bil-familja bit-tfal, ir-rata tax-xogħol kienet ta’ 93.4% għall-missirijiet u ta’ 55% għall-ommijiet.

L-NSO qal ukoll li erba’ minn kull ħamest idjar f’Malta kellha l-internet, bl-inqas kategorija li kellha s-servizz id-dar kienet dik fejn fid-dar kienet tgħix persuna waħda mingħajr tfal.