Il-Provinċjal tal-Ġiżwiti f’Malta, Fr Patrick Magro sj, b’reazzjoni għal laqgħa “mgħaġġla” organizzata minn U Group, il-kumpanija Russa li qed tippromwovi l-proġett tax-shooting range fil-Mosta, qal li jqisuha ironika li l-laqgħa saret biex jassiguraw lill-Ġiżwiti li l-istorbju mhux se jkun problema meta l-istess Ġiżwiti ma kinux mistiedna għal-laqgħa.
Fr Patrick Magro kien qed jirreaġixxi għal rapporti f’ġurnal lokali fejn kelliema għall-kumpanija Russa, f’laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ tliet gruppi li jirrappreżentaw lil tiraturi u kollezzjonisti, stiednet lill-istess Ġiżwiti biex jitkellmu magħha. Il-Provinċjal tal-Ġiżwiti f’Malta qal li madankollu, il-Ġiżwiti ppruvaw jiskopru U Group min huma imma ma rnexxielhomx.
Qal ukoll li d-dikjarazzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija ma serrħulhomx rashom. Bil-maqlub, spjega l-Provinċjal, ikkonfermaw dak li ilu jinkwetahom mill-bidu nett, li l-istorbju tal-armi tan-nar mhux se jinżamm biss sal-konfini tas-sitt shooting ranges u dan hu ta’ nkwiet għan-nies li jużaw is-servizzi tad-dar tal-irtiri li jridu jsibu s-silenzju mhux tiri ta’ armi tan-nar.
Fr Patrick Magro qal li l-Ġiżwiti jħaddmu d-dar tal-irtiri b’telf u jħossu li għandhom jibqgħu jissussidjaw id-dar għax l-interess tagħhom hu l-interess u s-saħħa tal-eluf li jżuru Mount St Joseph. Fl-istess ħin, appella lill-kumpanija biex flimkien mal-Gvern issib post alternattiv li ma jdejjaqx lir-residenti fil-viċin u li jirrispetta l-ambjent naturali.
//= $special ?>