Għawdex Lokali

Il-mara ta’ Anton Refalo se tingħata rwol ta’ tmexxija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Mikelina Refalo, il-mara tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u li fl-aħħar sentejn kienet tmexxi l-Uffiċċju tal-Customer Care fil-Ministeru ta’ żewġha, se tingħata rwol ta’ tmexxija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fil-media indipendenti llum ġie rrappurtat li l-mara ta’ Anton Refalo telqet mill-Ministeru ta’ żewġha u bdiet taħdem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

MaltaRightNow.com hu nfurmat li tard illejla ntemmet laqgħa fil-bini tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li għaliha attendew Mikelina Refalo nnifisha, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex Nadine Delicata u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa Joe Rapa. F’din il-laqgħa, ġie diskuss ir-rwol il-ġdid tal-mara ta’ Anton Refalo, li mistenni jkun wieħed ta’ tmexxija.

Il-Ministru Refalo bħalissa jinsab taħt pressjoni, hekk kif il-media qed tiżvela diversi każijiet ta’ allegat xogħol fil-privat mill-ħaddiema u bil-materjal tal-Gvern fl-aħħar sentejn.