Għawdex Lokali

L-unika għażla ta’ Muscat hi li jneħħi lil Ministru Anton Refalo – Beppe Fenech Adami

Wara li fil-media dalgħodu ġie kkonfermat li l-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijjiet ta’ xogħlijiet privati magħmula mill-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar sentejn minn fondi pubbliċi, il-pożizzjoni tal-Ministru Anton Refalo m’għadhiex waħda tenibbli. Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jneħħih minnufih minn Ministru biex bl-ebda mod ma jiġu mittiefsa, imwarrba, moħbija jew imbagħbsa provi li jsostnu dawn l-allegazzjonijiet.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matul fakkar f’dak li qal il-Partit Nazzjonalista fil-jiem li għaddew, jiġifieri li llum hemm Ministru prominenti tal-Gvern (il-Ministru Anton Refalo) li qed jiġi investigat mill-Pulizija fuq abbużi li saru fil-Ministeru u mill-Ministeru tiegħu. Dan ifisser li l-pożizzjoni tal-istess Ministru mhix aktar tenibbli.

Beppe Fenech Adami qal li issa wasal il-ħin biex Muscat jieħu d-deċiżjonijiet li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistennih jieħu. Għamel referenza wkoll għal każ ieħor li ġie żvelat fil-media u li jallega li sar xogħol minn Ħaddiema u b’materjal tal-Gvern f’binja ta’ kanvaser tal-Ministru Anton Refalo. Dan hu d-disa’ każ li ġie żvelat mill-media fil-ġimgħat li għaddew u li dwarhom il-Ministru u l-Prim Ministru baqgħu siekta.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Pulizija biex tintensifika l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-abbużi rrapputati, filwaqt li appella lil kulmin għandu informazzjoni dwar dawn il-każijiet biex imur għand il-Pulizija u jagħmel użu mill-protezzjoni tal-Liġi tal-Whistleblower.