Nature Trust (Malta) uriet it-tħassib tagħha li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar is-sit għall-proġett ta’ università ġdida fin-naħa t’isfel ta’ Malta hu biss eżerċizzju kożmetiku għax kollox hu diġà deċiż.
Nature Trust qalet li jekk dan hu l-każ, il-Gvern qed jimxi fuq il-passi ta’ gvernijiet oħra fejn inħawi barra ż-żoni ta’ żvilupp jinbidlu taħt idejn l-awtoritajiet.
L-għaqda ngħaqdet ma’ għaqdiet oħra ambjentali billi saħqet li ż-żona msemmija għall-proġett hi marbuta għal park naturali fil-Pjan Lokali għan-Naħa t’Isfel ta’ Malta maħruġ fl-2006. Qalet li għandhom ikunu l-awtoritajiet lokali li jidentifikaw siti alternattivi u jippromwovu żvilupp sostenibbli b’rispett lejn il-wirt lokali u l-ġenerazzjonijiet futuri, mhux l-għaqdiet ambjentali.
Nature Trust (Malta) uriet it-tħassib tagħha wkoll għal żewġ proġetti oħra li ssemmew dan l-aħħar li, fi kliemha, joħolqu wisq ħsejjes. Dawn huma l-proġett ta’ korsa ta’ muturi, li għadu ma ssemmiex fejn se jsir, u l-proposta ta’ shooting range fil-Mosta.
Waqt li xeħtet dubji fuq l-esperti li qed jipproponu dawn il-proġetti f’żoni barra l-iżvilupp, l-għaqda qalet li dawn qed jiġu ppreżentati bħala deċiżjoni lesta u jmorru kontra konvenzjoni għall-aċċess għall-informazzjoni, il-politika ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali.
Nature Trust qalet li Malta qed tibqa’ tirrepeti l-iżbalji tal-passat waqt li staqsiet fejn hu l-Ministeru tal-Ambjent u d-Direttorat tal-Ambjent biex jiddefendu l-inħawi naturali limitati li għad fadallu l-pajjiż.
//= $special ?>