Kurżitajiet

Plejer ta’ Ipswich joffri kumpens lil partitarju minħabba gowl

Partitarju ferventi ta’ Ipswich Town intilef f’dagħdigħa ta’ ferħ, nhar is-Sibt, wara li t-tim tiegħu skorja l-gowl tad-draw kontra Norwich City fid-derby ta’ East Anglia, fl-Ingilterra. Iċ-ċelebrazzjonijiet qabżu kull limitu, tant li l-partitarju, li kien qed isegwi l-logħba fuq it-televiżjoni, spiċċa jagħmel ħofra fis-saqaf ta’ kamartu.

Intant, dan il-partitarju spiċċa mingħajr kliem meta Paul Anderson, il-plejer li skorja l-gowl importanti għat-‘Tractor Boys’, offra li jħallas għat-tiswijiet fis-saqaf — u fejn wieġeb għall-messaġġ speċifiku tal-partitarju fuq Twitter.

Ipswich u Norwich spiċċaw fi draw, 1-1, fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-play-off ta’ The Championship, bil-klabbs rivali qed jittamaw li jiksbu l-promozzjoni għall-Premiership.

Norwich kisbu vantaġġ kmieni fil-logħba ġo Portman Road, iżda Anderson għamilhom 1-1 għal Ipswich qabel il-mistrieħ (bl-iskor ma jinbidilx). Intant, l-imsemmi partitarju, Ross Morgan, spiċċa jaqbeż bil-ferħ u f’ħin, minnhom ta daqqa ta’ ponn lis-saqaf fejn ikkaġuna l-ħofra.

Morgan, dak il-ħin, inħasad iżda mbagħad kompla jiċċelebra l-gowl u, aktar tard, bagħat ritratt tas-saqaf fuq Twitter waqt li għamel tag lil Paul Anderson biex isegwi l-‘feed’… Intant, l-attakkant ta’ Ipswich wieġeb fuq Twitter u offra biex iħallas għax-xogħol li jrid isir fis-saqaf – b’Morgan itenni li ‘ma setax jemmen il-ġest ġeneruż’.

Intant, l-aktar ħaġa importanti għal Morgan hu li Ipswich jegħlbu lil Norwich fit-tieni leg u jikkwalifikaw għall-finali tal-play-off – bir-rebbieħ ta’ din il-finali jkun garantit minn staġun fil-Premiership…’Bħalissa ma nista’ naħseb fuq xejn aktar iżda jekk nerġgħu niskurjaw inwiegħed li nagħmel ħilti kollha biex nikkontrolla lili nnifsi,’ temm jgħid Ross Morgan.