SOS Malta qed tappella biex jiżdied l-isforzi mill-Maltin biex jiġu megħjuna dawk milquta mit-terremoti qawwija fin-Nepal.
L-għaqda mhux governattiva qalet li ladarba jintemm ix-xogħol immedjat ta’ salvataġġ, se tkun qed tagħti s-sostenn tagħha lil sforzi iktar fit-tul biex, flimkien ma’ għaqdiet lokali, tgħin lil dawk affettwati. Diġà hi f’kuntatt ma’ Save the Children f’Katmandu u SOS Malta se tkun qed tadotta rħula sħaħ biex tgħin fil-bini mill-ġdid ta’ djar, sistemi għall-ġbir tal-ilma u għajnuna oħra bażika.
Bħalissa SOS Malta qed tikkunsidra li taħdem fid-distrett Dhading, b’mod partikolari fl-ewwel raħal Chetradeurali, li fih jgħixu 170 familja, b’popolazzjoni ta’ 1,000 ruħ. Fih inqerdu kompletament id-djar kollha u l-uniku skola li hemm, ġarrbet ħsarat qawwija.
L-għaqda Maltija qalet li s’issa ġabret €80,000 li se jmorru għall-bini mill-ġdid ta’ rħula f’dan id-distrett u waqt li rringrazzjat lil dawk kollha li kkontribwew, saħqet li l-għajnuna li Malta tista’ tagħti hi raġġ ta’ tama għan-Nepal.
//= $special ?>