Professjonisti, ħaddiema, qraba ta’ pazjenti u pazjenti li qed jirċievu l-kura għall-kundizzjoni tas-saħħa mentali huma nkwetati u mħassba dwar is-sitwazzjoni serja ħafna fl-Isptar Monte Carmeli.
Meta tkellmet fil-Parlament ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna, fissret li hemm tħassib li qiegħed jikber b’ilmenti fuq sistema li għalkemm kien hemm x’tikkritika dwarha, illum hi fi stat diżastruż.
Fakkret li l-Parlament għadda l-Liġi dwar is-Saħħa Mentali iżda li issa rridu noqogħdu attenti li ma nkunux qed niksru din il-liġi.
Irriferiet għall-azzjoni industrjali mis-social workers f’Monte Carmeli, u filwaqt li fissret li mhix se tidħol fil-mertu dwar jekk għandiex tittieħed jew le azzjoni industrijali, appellat biex noqogħdu attenti li meta tittieħed azzjoni industrijali, inħarsu d-dinjità u d-drittijiet tal-pazjenti.
Tifhem u fissret li għandna dejjem nipproteġu lill-infermiera, lill-qwiebel, lis-social workers u l-professjonisti kollha, iżda qatt ma nistgħu ninsew li l-pazjenti għandhom ukoll drittijiet. Irrimarkat li għandna Kummissarju għad-Drittijiet tas-Saħħa Mentali u wissiet li l-Oppożizzjoni qed issegwi dan is-settur u se tkun qed titlob pariri.
Enfasizzat li min qiegħed imexxi l-Isptar Monte Carmeli, hu jew mhux idonju għall-kariga li qiegħed fiha, għandu dejjem ir-responsabbiltà fuqu li jmexxi bl-aħjar mod għall-ġid tal-pazjenti.
Crises Intervention Unit b’ħinijiet limitati
Tkellmet ukoll dwar it-tmexxija tal-Crises Intervention Unit ibbażata fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dan is-servizz mhux qed jitħaddem 24 siegħa kuljum, iżda biss mis-7am sas-7pm. F’każ li tinqala’ kriżi ta’ saħħa mentali wara dawn il-ħinijiet, mhux qiegħed jingħata servizz.
Saħqet li xogħol din it-taqsima hu li tintervjeni f’każijiet rappurtati fi djar, u tieħu l-kontroll hi biex tikkalma u tagħti s-servizzi meħtieġa. Iżda rrimarkat li s-servizz ta’ din it-taqsima importanti llum hu limitat u mhux qiegħed iżur id-djar.
Staqsiet dwar ir-rata ta’ infermiera kwalifikati fis-saħħa mentali meta paragunata mal-ammont ta’ pazjenti li qed jaraw dawn l-infermiera, filwaqt li rrimarkat ukoll li m’għandiex tkun sistema awtomatika li Mental Welfare Officers jagħmlu xogħol ta’ Social Workers.
Il-mediċini out of stock il-Gvern solviha b’direct orders ta’ tip ta’ mediċini ġeneriċi li jinbidlu b’mod frekwenti
Semmiet ukoll is-sitwazzjoni tal-mediċini għall-pazjenti b’saħħa mentali u fissret li l-lista ta’ mediċini out of stock dan il-gvern solviha b’direct orders ta’ tip ta’ mediċini ġeneriċi li qed jinbidlu minn żmien għal ieħor b’mod frekwenti.
Dwar din is-sitwazzjoni, ix-Shadow Minister sostniet li l-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, lanqas ma tista’ tbiddlilhom id-dehra tal-mediċina minħabba l-kundizzjoni mentali li jkunu jinsabu fiha għax toħloq ħafna inċertezzi u preokkupazzjoni. Semmiet każ ta’ pazjenta li qed tirrifjuta li tieħu pillola għaliex hi sempliċement differenti fid-dehra minn dik li tieħu regolarment.
Dawn huma pazjenti li qed ibatu ħafna, sostniet Claudette Buttigieg, li fissret li qed jinħolqu problemi u sitwazzjonijiet fil-kura tas-saħħa mentali serji ħafna.
Enfasizzat ukoll l-importanza tat-taħriġ u tal-opportunitajiet biex l-infermiera u l-qwiebel ikomplu javvanzaw fil-karriera kif jiġri f’ħafna pajjiżi oħrajn.
Irrakkomandat biex nieħdu aktar bis-serjetà dawn il-professjonisti biex jingħataw l-opportunitajiet li jispeċjalizzaw kif sar dan l-aħħar meta l-Fondazzjoni Ewropea għall-Infermiera fil-Kura tad-Dijabete offriet żewġ boroż ta’ studju lil infermiera Maltin.
Dwar l-aħbar li se tinfetaħ skola ġdida tal-infermiera, ix-Shadow Minister appellat biex dan isir id f’d mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST biex ikun hem rabta bejn l-istudju u l-prattika.
Fissret li temmen li ebda politiku m’għandu jieħu deċiżjoni mingħajr ma jisma’, u fissret li l-politiċi jridu jisimgħu l-esperti iżda mhux b’mod li jinqatgħu mis-sistema tas-saħħa li hi l-pazjenti.
Mewt oħra fil-kuritur tal-Isptar
Semmiet każ ieħor ta’ mewt li seħħ fil-kurituri tal-isptar. Semmiet b’dispjaċir kif il-persuna li mietet fil-kuritur tal-Isptar, 24 siegħa qabel kienet f’tieġ tal-familja. Ix-Shadow Minister saħqet li hu inaċċettabbli li l-kura fil-kuritur sar il-kejl tas-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.
Għall-Oppożizzjoni, saħqet Claudette Buttigieg, id-dinjità tal-pazjent hi ta’ importanza.
//= $special ?>