L-abbużi flagranti u sfaċċati minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal u b’riżorsi tal-Gvern f’Għawdex fl-aħħar sentejn jidher li huma bla limitu u kuljum qed tidħlilna informazzjoni ġdida li wara li nivverifikawha ma’ terzi nsibu aktar dettalji u informazzjoni dwarha.
Fost informazzjoni ġdida li daħlet fl-aħħar jiem hemm dik li tirrigwarda xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern li saru reċentement – ftit tax-xhur ilu – fuq residenza fi Triq San Ġakbu fin-Nadur f’Għawdex.
Jirriżulta li ħaddiema tal-Gvern mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet magħruf aktar f’Għawdex bħala s-CMU (Construction and Maintenance Unit) li huwa bbażat fil-post magħruf bħala l-Kejselli fix-Xewkija, intbagħtu biex itellgħu ħajt ġdid tal-ġebel biex hekk tiddawwar il-bitħa ta’ din id-dar privata li tinsab fl-inħawi tal-Maxokk Bakery fejn il-ħaddiema tal-Gvern għamlu saħansitra xogħlijiet ta’ tindif ta’ din l-istess bitħa f’din id-dar privata.
Il-ħaddiema li ntbagħtu fil-post indikat għamlu x-xogħlijiet kollha meħtieġa mad-dawra tal-bitħa ta’ din id-dar b’tali mod li ttella’ ħajt ġdid li ħa post dak qadim tas-sejjieħ. Mhux magħruf jekk biex inbidel dan il-ħajt antik tas-sejjieħ fil-fatt inkisbux il-permessi kollha meħtieġa mingħand l-awtoritajiet konċernati.
Fil-post, biex seta’ jsir ix-xogħol mixtieq, intbagħat ukoll il-ġebel meħtieġ li kien xkatlat u tpoġġa fuq xulxin biex sar dan il-ħajt għoli seba’ filati.
Minn stħarriġ li għamlet ‘In-Nazzjon’ irriżulta li l-proprjetà involuta f’dan l-iskandlu ġdid ta’ xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern hi ta’ persuna qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo. Jirriżulta fil-fatt li din il-persuna li gawdiet minn dawn ix-xogħlijiet hi wkoll kanvasser tal-istess Ministru Anton Refalo.
Ix-xogħlijiet involuti f’dan il-proġett kienu koordinati mill-Ministeru għal Għawdex u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet li hu mmexxi minn Anton Debono ‘In-Niksu’ li kulħadd jaf kemm hu qrib l-istess Ministru Anton Refalo tant li kien il-Ministru Anton Refalo li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura poġġieh f’din il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-kumpless tal-Kejselli.
Tajjeb jingħad li t-tifla ta’ Anton Debono hi l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Communications Co-Ordinator fil-Ministeru ta’ Anton Refalo.
Intant, Il-pressjoni fuq il-Ministru Anton Refalo b’numru ta’ stejjer li qed ikunu pubblikati dwar kif ħaddiema tal-Gvern fl-aħħar sentejn għamlu xogħlijiet fil-privat għand persuni qrib l-istess Ministru Anton Refalo u bl-użu ta’ materjal tal-Gvern, qed tkompli tikber u ssir ta’ wġigħ ta’ ras għall-istess Ministru u għal uħud madwaru.
Nhar it-Tlieta li għadda l-Ministru Anton Refalo, wara rapport pubblikat minn In-Nazzjon fl-ewwel faċċata tiegħu dwar aktar xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern, din id-darba fin-Nadur Għawdex, sejjaħ lil numru ta’ uffiċjali biex jiddiskuti magħhom din is-sitwazzjoni.
Fost l-oħrajn mgħaġġla fil-Ministeru għal Għawdex dehru deħlin Anton Debono, il-Kap tal-Constructrion and Maintance Unit (CMU) u Keith Vella Muscat li hu d-Deputat Kap tal-istess Unit.
Din il-laqgħa b’urġenza fil-Ministeru damet għaddejja għal ftit tal-ħin mhux ħażin.