Dwayne “The Rock” Johnson, l-eks-Champion tar-Wrestling u attur taċ-ċinema, għandu ġisem skolpit li ma jiġix bix-xejn.
The Rock, li jiżen 122 kg u hu twil kważi 2 metri, iqum fl-4.00am biex jiekol l-ewwel minn seba’ ikliet, għal total ta’ 4.5 kg kuljum u 5,165 kalorija. Raġel ta’ piż normali għandu jiekol sa 2,500 kalorija kuljum.
Mal-magazine “Muscle and Fitness”, l-istilla ta’ Hollywood ta’ 43 sena żvela r-ritmu rigoruż tiegħu ta’ kuljum. Id-dieta tiegħu tinkludi varjetà ta’ laħam, fosthom kilo ħut kuljum, 12-il bajda, ross u ħaxix. Bejn l-ikliet, jagħmel ħafna eżerċizzju biex ġismu jaħraq il-kaloriji “qisu forn”.
Skont dak li ġie żvelat minn “Muscle and Fitness”, l-ikliet ta’ Johnson jibdew fl-4.00am b’280 gramma ta’ merluzz, żewġ bajdiet u żewġ tazzi ċereali ħafur. It-tieni ikla hi wkoll ta’ merluzz, imma ta’ 220 gramma, 340 gramma patata u tazza waħda ta’ ħaxix. It-tielet ikla hi ta’ 220 gramma tiġieġ, 2 tazzi ross abjad u tazza ħaxix waqt li r-raba’ ikla hi ta’ 220 gramma oħra ta’ merluzz, żewġ tazzi ross, tazza ħaxix u kuċċarina żejt tal-ħut. Il-ħames ikla hi ta’ 220 gramma laħam “steak”, 340 gramma patata u insalata magħmula bl-ispinaċi. Iktar tard, is-sitt ikla hi ta’ 280 gramma merluzz, żewġ tazzi ross u insalata. L-aħħar ikla, hi ta’ 30 gramma protejina kasejina, li hi ingredjent fil-ħalib u l-ġobon, froġa magħmula bl-abjad ta’ 10 bajdiet, tazza ħaxix magħmula minn basal, bżar u faqqiegħ, u kuċċarina żejt tal-ħut bl-omega 3.
//= $special ?>