Xufier tal-linja, Taljan, deskritt bħala “arroganti” llum ġie mmultat €300 u se jitlef xogħlu mas-servizz tat-trasport pubbliku wara li Maġistrat qies li l-attitudni tiegħu tagħmlu mhux adegwat għal xogħlu.
Antonio D’Antuono, ta’ 48 sena, instab ħati mill-Maġistrat Carol Peralta li hedded verbalment lil passiġġier Ingliż li kien ġibidlu l-attenzjoni għall-fatt li kien qed juża t-telefon ċellulari waqt li kien qed isuq. Il-Maġistrat ordna li kopja tad-deċiżjoni tiegħu tintbagħat lil Transport Malta biex tittieħed l-attenzjoni meħtieġa “għax mhux kapaċi għax-xogħol li għandu”.
D’Antuono nstab ħati li kien qed juża t-telefon ċellulari waqt li kien qed isuq, li ma kellux kontroll assolut tal-vettura hi u miexja, ta’ kliem ħażin fil-pubbliku u ta’ theddid lill-passiġġier li min-naħa tiegħu, inħeles mill-akkuża li offenda lix-xufier waqt argument.
Ix-xufier ġie mmultat €20 oħra għal disprezz lill-Qorti wara li kien imwissi kemm-il darba biex ma joqgħodx jitbissem u jxejjer idejh waqt li x-xhud kien qed jagħti x-xhieda tiegħu.
Ix-xhud, John Oliver Kane, spjeag kif fid-29 t’Ottubru li għadda, fuq il-karozza tal-linja minn Buġibba lejn l-isptar Mater Dei, kien ġie mhedded mix-xufier li kien se jtih xebgħa wara li talbu ma jużax it-telefon ċellulari waqt li kien qed isuq.
Irrakkonta wkoll kif ix-xufier waqqaf il-karozza tal-linja biex jixgħel sigarett u jpejjep u iktar tard, f’Burmarrad, ma fetaħx il-bibien tal-karozza u għalhekk sakkar lill-passiġġieri fiha. Xehed ukoll li abbuża verbalment turist u li lilu tah biljett ta’ 50ċ meta fil-fatt żammlu €1.50ċ.
Fil-Qorti, ix-xufier insista kemm-il darba li t-turist kien qed jigdeb u b’mod ripetut kien aġitat ferm. D’Antuono qal li dakinhar tal-każ kellu problemi bil-bibien tal-karozza tal-linja u kien qed jipprova jċempel lill-kamra tal-kontroll biex jinfurmahom bil-problema. It-Taljan qal li kien informa lill-Ingliż li kellu problema bil-bibien tal-vettura imma qal li r-raġel ma riedx jaf, li daqq il-qanpiena u li meta waqqaf il-vettura beda jgħajjat miegħu. Ammetta li għajru giddieb imma qal li l-bqija tal-akkużi kien qed jiċħadhom.
Wara tliet kwarti fuq il-karozza tal-linja, il-passiġġieri kienu tniżżlu mill-ħruġ tal-emerġenza. Filmat mill-kameras tas-sigurtà fuq il-karozza tal-linja juru li x-xufier ipprova għalxejn jiftaħ il-bibien tal-vettura u li uża t-telefon ċellulari diversi drabi.
Il-Maġistrat Carol Peralta sab lix-xufier ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.
//= $special ?>