Lokali

29 ordni reliġjuża kontra l-bini ta’ ‘shooting range’ ħdejn Mount St Joseph

Fi stqarrija ffirmata minn 29 ordni reliġjuża f’Malta, il-Kunsill Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi wera l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-kawża tal-Ġiżwiti kontra l-proposta li tinbena shooting range biswit id-dar tal-irtiri Mount St Joseph.

Il-Kunsill qal li jqis il-kawża tal-Ġiżwiti bħala waħda ġusta waqt li tenna li d-dar tal-irtiri ilha mibnija tant snin u tat servizz lil tant persuni li jmorru fiha biex jgħaddu żmien fil-kwiet ta’ talb u dixxerniment. Appella biex din tibqa’ żżomm l-identità tagħha ta’ dar tal-irtiri.

Id-29 ordni qalu li Mount St Joseph hi preżenza għall-Ġiżwiti u nbniet b’sagrifiċċji kbar mhux biss tagħhom imma ta’ ħafna oħrajn li għenu b’modi differenti biex Malta jkollha dar bħal din. Tenna li l-ħtieġa ta’ dawn id-djar qiegħda dejjem tiżdied iżda fil-pajjiż hawn ftit biss minnhom.

L-istqarrija kienet iffirmata minn De La Salle Brothers, mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, mill-Patrijiet Franġiskani Minuri, mill-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, mill-Patrijiet Franġiskani Konventwali, mill-Patrijiet Karmelitani, mill-Patrijiet Karmelitani Skalzi, mill-Patrijiet Dumnikani, mill-Patrijiet Agostinjani, mis-Sależjani, mill-Ġiżwiti, mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, mis-Soriijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, minn Ulied il-Qalb ta’ Gesù, mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, mis-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara (Għawdex), mis-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara (Malta), mis-Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, mis-Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesù Nazzarenu, mis-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, mis-Sorijiet Dumnikani, mis-Sorijiet Agostinjani, mil-Little Sisters of the Poor, mis-Sorijiet tal-Bon Pastur, mis-Sisters of the Sacred Heart, mis-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparazzjoni, mis-Sorijiet tal-Karità, mis-Sorijiet tad-Dorotej, mis-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara.