Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar il-ħatra tad-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi bħala r-rappreżentant ta’ KuntattPN f’Għawdex. F’kumment qasir, Frederick Azzopardi qal li meta ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, dan ma fisser bl-ebda mod li se jabbanduna lill-kostitwenti Għawdxin.
Xhieda ta’ dan hu propju din il-ħatra mill-Kap tal-PN li permezz tagħha se jkompli jagħti s-sehem tiegħu fi ħdan il-PN. Id-Deputat Frederick Azzopardi se jkun qed jisma’ u jilqa’ ilmenti mill-pubbliku kull nhar ta’ Ħamis bejn is-6p.m. u s-7.30p.m. fis-sub-headquarters tal-PN fis-Sannat. Wieħed jista’ wkoll jagħmel kuntatt miegħu bit-telefon permezz tan-numru 99492751.
KuntattPN twaqqaf fil-bidu ta’ April li għadda mill-Kap tal-PN Simon Busuttil. Taħt il-ko-ordinazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, KuntattPN għandu tliet għanijiet; jgħin f’talbiet għal għajnuna u assistenza, jisma’ u jirreġistra lmenti dwar każi li setgħu twettqu fl-amministrazzjoni preċedenti u jisma’ u jirreġistra każi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji li qed jitwettqu mill-Gvern Laburista.
Frederick Azzopardi maħtur rappreżentant ta’ KuntattPN f’Għawdex
