Għawdex Lokali Qorti

Għawdxi jitressaq il-Qorti wara li nqabad fil-fatt jaħdem logħob tan-nar f’kontejner

Joseph Muscat, ta’ 44 sena mir-Rabat Għawdex, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, hekk kif illum tressaq il-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Paul Coppini. Hu kien akkużat fost l-oħrajn li jumejn ilu u fix-xhur ta’ qabel ħadem u ħażen illegalment materjal relatat man-nar f’kontejner fi Triq Santa Dminka r-Rabat.

Joseph Muscat inqabad fil-fatt jaħdem logħob tan-nar f’kontejner faċċata tar-residenza tiegħu. Jidher li Muscat, li hu dilettant sew tal-logħob tan-nar, allegatament kien qed jimmanifattura xi logħob tan-nar għall-Festi.

Il-Pulizija marru fil-post wara rapporti li waslulhom, b’Muscat jiġi arrestat. Bis-sejba kienu nfurmati wkoll il-Bomb Disposal Unit tal-Forzi Armati ta’ Malta, li elevaw il-materjal kollu misjub minħabba l-periklu kbir li dan iġib miegħu.

Muscat ingħata libertà proviżorja b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Wara talba mill-Prosekuzzjoni, il-Maġistrat Coppini ordna wkoll is-sospensjoni tal-liċenzja tan-nar sakemm jiġi deċiż il-każ.