Lokali

Il-PN b’appell għal azzjonijiet immedjati fil-ġlieda kontra l-faqar

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Familja, organizzat min-Nazzjonijiet Uniti, il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jindirizza b’mod immedjat il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Familja u dak għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Robert Cutajar u Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jirrikonoxxi li din l-isfida ma tfaċċatx illum, skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar minflok għall-aħjar. Dan għall-kuntrarju tal-wegħda li saret li jiġi eradikat il-faqar.

Il-Partit Nazzjonalista nnota li l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin żgur li ma tgħinx biex jogħla l-livell tal-għajxien u konsegwentament, għat-tnaqqis fin-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jikkommetti ruħu li jaħdem id f’id ma’ kull min hu ta’ rieda tajba, kif ukoll li jrid jassigura li l-livell ta’ għajxien tal-Maltin u Għawdxin jitla’ ‘l fuq.