21 promozzjoni mill-elezzjoni ‘l hawn
Il-promozzjonijiet li ngħataw mill-elezzjoni ‘l hawn fi Transport Malta, 21 b’kollox, kabbru n-nefqa fis-salarji f’din l-entità tal-Gvern fil-Ministeru responsabbli minnu Joe Mizzi, b’€115,166.
Il-promozzjonijiet li ngħataw minn wara l-elezzjoni ta’ aktar minn sentejn ilu, laħħqu diġà total ta’ 21, li flimkien żiedu b’ammont sostanzjali l-ispiża komplessiva tas-salarji f’entità li kienet ukoll fiċ-ċentru ta’ ħafna kontroversji taħt dan il-Gvern.
Il-promozzjonijiet kienu kkonfermati fil-Parlament mill-istess Ministru Joe Mizzi, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà ta’ Transport Malta.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, staqsiet lill-Ministru Joe Mizzi jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fi Transport Malta mill-elezzjoni ġenerali ta’ aktar minn sentejn ilu, u kemm żdiedet in-nefqa tas-salarji b’riżultat ta’ dawn il-promozzjonijiet.
Mit-tweġibiet li ta bil-miktub il-Ministru Joe Mizzi, jiriżulta li fi Transport Malta kien hemm diversi promozzjonijet f’ħafna livelli u kategoriji, fosthom minn uffiċjali għal uffiċjali Eżekuttivi; uffiċjali Eżekuttivi għal Senior Assistants; Assistant Manager għal Managers; minn Manager għal Senior Manager; u minn Customer Care Represantative għal Manager.
Transport Malta kellha tkun il-mutur tar-roadmap tal-wegħda tal-Partit Laburista li malli jitla’ fil-gvern jibda jwettaq il-pjan li kien qal li għandu lest biex isolvi l-isfidi f’dan is-settur.
F’dawn l-aħħar sentejn, bit-tmexxija l-ġdida ta’ Transport Malta, rajna il-waqfien tal-kumpanija Arriva li ma baqgħetx tħaddem is-servizz f’pajjiżna; is-servizz tat-trasport pubbliku jerġa’ jgħaddi f’idejn il-Gvern; kif ukoll it-taħditiet li wasslu biex mill-bidu ta’ din is-sena kumpanija Spanjola daħlet fit-tmexxija tas-servizz – liema kumpanija għadha tiffaċċja diversi problemi tant li din il-ġimgħa rajna wkoll strajk mix-xufiera tat-trasport pubbliku.
//= $special ?>