Lokali Parlament

In-nies trid iżżomm il-vuċi fil-lokalitajiet u mhux tiġi distakkata aktar

Il-Gvern irid li jbiegħed aktar il-kuntatt popolari tan-nies mal-kunsilliera

In-nies ma tridx li t-terminu tal-Kunsili Lokali jiżdied b’sena oħra għal ħames snin għaliex trid vuċi fit-tmexxija tal-lokalitajiet. Erba’ snin hu perjodu twil biżżejjed biex jitwettqu l-programmi ta’ ħidma fil-lokalitajiet. Terminu ta’ ħames snin jiddistakka aktar liċ-ċittadin li jsemma u jesprima l-vuċi tiegħu fuq it-tibdil li jkun irid jara fil-lokalità.

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal fil-Parlament li dak li qed jipproponi l-Gvern biex jemenda l-liġi tal-Kunsilli Lokali, mhux pass ieħor ta’ żvilupp importanti, iżda eżerċizzju ta’ posponiment ta’ elezzjonijiet biex il-Kunsilli Lokali jkollhom leġiżlaturi twila ta’ ħames snin.

Qed inbiegħdu aktar mill-kuntatt popolari u l-kuntatt tan-nies mal-kunsilliera. Dan iwassal għal perjodu fejn il-Kunslli Lokali jibda jsir irrelevanti anke mill-attenzjoni tal-pubbliku.

L-akbar sfida li jiffaċċjaw il-kunsilliera mhix li jiltaqgħu mal-elettorat kull erba’ snin iżda li jingħataw il-fondi meħtieġa
Spjega li sal-lum, l-esperjenza ġenerali tal-Kunsilli Lokali kienet pożittiva u hu apprezzat kull ħidma tal-kunsilliera u s-Sindki.
Tonio Fenech qal li l-akbar sfida li jiffaċċjaw il-kunsilliera mhix li jiltaqgħu mal-elettorat kull erba’ snin iżda li jkollhom l-għodda biex l-aspettattivi li jitpoġġew fuq il-Kunsilli Lokali jiġu mwettqa fil-ħidma prattika tagħhom.

Dan l-iżvilupp fil-Kunsilli Lokali jista’ jsir billi l-Parlament jiddiskuti mhux biss it-terminu ta’ żmien kif qed jagħmel dan il-Gvern bl-Abbozz ta’ liġi li qiegħed iressaq, iżda kif se nagħmllu Kunsilli Lokali aktar effettivi fil-lokalitajiet.

Dan ma jsirx jekk il-gvern jibqa’ jixxaħħaħ mill-fondi lill-Kunsilli Lokali. Fil-baġits tal-Gvern ma rajna ebda għajnuna jew nota pożittiva favur il- Kunsilli Lokali.

Quddiem din ix-xeħħa mal-Kunsilli Lokali, Tonio Fenech irrimarka li l-Gvern qed juri li għandu flus għal salarji ogħla għal tal-qalba u impjiegi aktar mal-Gvern, iżda mhux għall-Kunsilli Lokali.

Il-Kunsilli Lokali ma jistgħux jaħdmu u jkunu effettivi jekk ma jingħatawx fondi
Il-Gvern mhu jsib ebda problema ta’ flus biex jiġu finanzjati l-ħbieb tal-ħbieb u jiġu impjegati mijiet ta’ persuni mal-Ministeri u entitajiet tagħhom fuq il-bażi ta’ position of trust, u biex ikollu Kabinett akbar.

Minflok qed naraw logħba mill-Gvern li juża kif irid hu l-fondi suppost allokati għall-Kunsilli Lokali, u dan biex iżomm imdendlin lill-Kunsilli Lokali b’mod li ma jistgħux jaħdmu b’mod effettiv.

Dan hu gvern ukoll li qed jimxi b’interess partiġjan fil-politika għall-kunsilli lokali u juża l-fondi tiegħu speċjali li jitqassmu lil dawk li magħhom għandu simpatija.

Fakkar li Gvern Nazzjonalista kien neħħa l-fondi speċjali kif qed iħaddimhom illum dan il-Gvern, u żiedhom fil-baġit għall-kunsilli lokali kollha. L-iskop kien biex tingħata l-istess opportunità lill-Kunsilli Lokali kollha.

Sejjaħ dak li qed jipproponi l-Gvern illum għall-Kunsilli Lokali bħala liġi fażulla mwielda għall-konvenjenza politka tiegħu u biex jistrieħ fuq l-argument li l-poplu għejja jivvota. Iżda dan ma kienx espress mill-elettorat fir-referendum u fl-elezzjonijiet lokali tax-xahar li għadda.

Tonio Fenech irrimarka wkoll għall-vot li ngħata liż-żgħażagħ ta’ 16 fl-aħħar elezzjoniiet li saru f’April, u kif nofs il-poplazzjoni l-oħra li wkoll ingħatat dan id-dritt, dan il-Gvern se jkun qiegħed jeħodulha għaliex se jneħħi l-elezzjonijiet li jmiss li jsiru fl-2017.

Gvern li qed jieħu lura l-vot ta’ 16 lil nofs il-popolazzjoni taż-żgħażagħ
Flok awtonomija aktar lill-kunsilli lokali, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, il-Gvern qed iġib lill-kunsilli paraventu għan-nuqqasijiet tiegħu anke b’rabta man-nuqqas ta’ fondi li l-Gvern mhux qiegħed jagħti lill-Kunsilli.

Irrifera għall-problemi tat-toroq li qed jikbru u jsiru aktar evidenti għall-kunsilli lokali, bil-Ministru jistrieħ biss li taħt ir-responsabbiltà tiegħu għandu biss l-arterji ewlenin tas-sistema tat-traffiku, u l-kumplament tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha ħafna toroq, jitfagħha fuq il-Kunsilli Lokali.

Tonio Fenech qal li hu impossibbli li bil-baġit li qed jagħti l-Gvern lill-kunsilli lokali, jiġu indirizzati l-isfidi kbar li hemm fl-investiment li hu meħtieġ fit-toroq fil-lokalitajiet.

Dan juri, saħaq id-Deputat Nazzjonalista, li l-Gvern mhux veru jemmen fil-kunsilli lokali u l-proposti li qiegħed iressaq il-Gvern illum fil-Parlament mhux pass favur aktar żvilupp demokratiku tal-kunsilli lokali, iżda biex jagħmlu rigress. Appella lill-Gvern jisma’ mill-Parlament u jersaq bi pjan u strateġija serja għat-tisħiħ tal-funzjonijiet li jsaħħu u mhux idgħajfu lill-Kunsilli Lokali.