Lokali

Jintlaħaq ftehim bejn l-Autobuses de Leon u l-GWU

Hekk kif is-servizz tat-trasport pubbliku llum irritorna għan-normal, wara l-azzjonijiet industrijali tal-bieraħ imsejħa mill-General Workers Union, sa għada filgħaxija se jkunu tħallsu l-flus kollha dovuti lill-ħaddiema mill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku Autobuses de Leon.

Dan ħareġ minn laqgħa li saret bejn it-tmexxija tal-kumpanija u l-GWU, fil-preżenza tal-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi u tas-CEO ta’ Transport Malta James Piscopo.

Qabel il-laqgħa, il-GWU reġgħet hedded lill-Autobuses de Leon li tkompli bl-azzjonijiet industrijali jekk ma jintlaħaqx il-ftehim li trid hi. Madankollu, fil-laqgħa, ġie stabbilit li l-ammonti dovuti se jitħallsu kollha sa għada fis-7pm.

Fil-laqgħa tqajjem ukoll il-punt dwar diskrepanzi li hemm meta l-ħaddiema jibdlu ‘duties’ bejniethom, bil-kumpanija tikkommetti ruħha li se tinvestiga sal-laqgħa bejn iż-żewġ naħat, ippjanata għat-Tnejn li gej.