Lokali

KSU jiddeplora l-iżvilupp fuq art ODZ għall-Universita’ f’Wied il-Għajn

Iż-Żonqor - wieħed miż-żewġ siti tal-Universita' Amerikana

Il-Kunsill Studenti Unversitarji (KSU) flimkien ma’ iktar minn 40 għaqda studenteska jiddeploraw bl-iktar mod qawwi il-pjani ta’ żvilupp fuq 90,000 metru kwadru ta’ art agrikola barra miż-żona tal-iżvilupp fiż-Żonqor għall-Universita’ Amerikana.

Minbarra, l-implikazzjonijiet fuq l-edukazzjoni għolja f’Malta, il-KSU hu diżappuntat li l-Gvern qabad u ħabbar dan il-proġett mingħajr ebda diskussjoni, bl-għaqdiet ambjentali ikkuntattjati fl-aħħar minuta u ftit li xejn mogħtija informazzjoni.

L-uniku studju li sar kien mill-MEPA u, agħar minn hekk, il-MEPA m’hi qed tagħmel xejn ħlief tagħti l-barka tagħha fuq ksur sfaċċat tal-prinċipji u l-policies li suppost għandha tipproteġi. L-Istqarrija tkompli li filwaqt li jilqa’ investiment barrani, il-KSU jemmen li wasal iż-żmien li l-ambjent jingħata l-priorita’ jixraqlu u dan billi jkun rikonoxxut li l-gżejjer Maltin ma jifilħux għal iktar żvilupp bl-addoċċ fuq il-kampanja u spazji miftuħa.

Il-KSU kompla li filwaqt li jappoġġja l-pjani tal-Gvern għar-riġenerazzjoni tan-Nofsinhar ta’ Malta, dan jista’ jsir mingħajr il-ħtieġa li tiżviluppa art agrikola verġni, li hi magħrufa għall-biodiversita’ tagħha. Il-KSU jemmen li l-Gvern għandu jieħu din l-opportunita’ billi jinvesti fir-restawr ta’ strutturi eżistenti.