Internazzjonali Kurżitajiet

L-Awstralja twissi lil Johnny Depp dwar il-klieb tiegħu

L-Awstralja trid tagħti sentenza ta’ mewt lill-klieb ta’ Johnny Depp, Pistol u Boo, għaliex l-attur, li jinsab fil-pajjiż biex jiġbed xeni ta’ film ieħor mis-serje ta’ Pirates of the Caribbean, ħa lill-annimali tiegħu mingħajr ma kiseb il-permess tad-dwana.

Jekk ma jibgħathomx lura fl-Istati Uniti, l-Awstralja trid li ż-żewġ Yorkshire terriers jitraqqdu għax qed tinsisti li ddaħħlu fil-pajjiż b’mod illegali. “Għax hu Johnny Depp ma jfissirx li jista’ jikser il-liġijiet Awstraljani”, qal il-Ministru tal-Agrikoltura Barnaby Joyce.

L-Awstralja għandha liġijiet stretti ħafna fejn tidħol l-importazzjoni tal-annimali, bil-għan li tillimita l-mard. Suppost jinżammu kwarantina minkejja li jkun intalab permess għalihom u mbagħad jiġu rritornati lil sidhom. Imma Johnny Depp daħħal lill-annimali fil-pajjiż mingħajr ma informa lil ħadd.

Depp jinsab fl-Awstralja fejn qed jinġibdu xeni għall-ħames film mis-serje popolari, din id-darba bl-isem Dead Men Tell No Tales. S’issa, is-sensiela daħħlet €3.2 biljun.