Il-ġurnal ewlieni Amerikan The Washington Post kixef li State Oil Company of the Azerbaijan Republic (SOCAR) kien ħallas bil-moħbi biex membri tal-Kungress Amerikan iżuru l-Ażerbajġan. Dan b’rabta ma’ proġett tal-gass tal-Azerbaijan li ma riedx li jaqa’ taħt sanzjonijiet Amerikani peress li dan il-proġett kien jinvolvi l-Iran.
Inkixef li l-politiċi marru l-Ażerbajġan għal konferenza wara li kienu mistiedna minn korporazzjoni imma fil-fatt kollox kien imħallas mis-SOCAR.
Dan meta r-regoli tal-Kungress Amerikan jipprojbixxu li gvernijiet barranin iħallsu għall-ivvjaġġar ta’ membri tal-Kungress jew b’xi mod jippruvaw jinfluwenzaw il-politika Amerikana.
Instab li b’kollox intefqu tal-anqas 750,000 dollaru fuq il-politiċi Amerikani u dan kien jinkludi diversi rigali għall-vjaġġ li kien sar f’Mejju tal-2013. Fost ir-rigali li ngħataw kien hemm twapet u affarijiet tal-kristall li kienu jiswew ħafna flus.
Il-każ issa qed ikun investigat mill-kumitat tal-etika tal-Kamra tar-Rappreżentanti rigward il-vjaġġ li għamlu għaxar Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Jirriżulta li xi kumpaniji ntużaw biex jinħeba l-fatt li kien hemm il-Gvern tal-Ażerbajġan wara kollox. Iż-żewġ kumpaniji identifikati kienu Turquoise Council of Americans and Euroasians u Assembly of the Friends of Azerbaijan li ntużaw bħala front tas-SOCAR.
Wara l-vjaġġ, il-proġett tal-gass magħruf bħala Shah Deniz kien eżentat minn sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran. The National Iranian Oil Co hi sieħba f’dan il-proġett mas-SOCAR.
L-AŻERBAJĠAN: Suspetti ta’ tixħim ta’ politiċi mis-SOCAR
