Intant f’reazzjoni l-Ministru tat-Trasport qal li s-siġar li tneħħew mill-Foss ta’ San Ġakbu tpoġġew b’suċċess f’Santa Venera. Il-Ministeru spjega li s-siġar kellhom jitneħħew sabiex it-terminus tal-Belt ikun jista’ jiġi estiż minħabba ż-żieda fir-rottot sabiex b’hekk ikun hemm sistema tat-trasport pubbliku aħjar.
Il-ħidma spjega l-mininisteru ser twassal ukoll sabiex quddiem il-funtana tat-Tritoni ma’ jibqax ikun hemm il-bus terminus.
Il-Ministeru qal li x-xogħol fuq is-siġar sar mill-ELC li ilu jagħmel interventi simili b’suċċess għal tlettax il-sena. Ix-xogħol spjega l-ministeru sar skond skeda intiża sabiex ma’ toħloqx problemi tat-traffiku.
Aktar kmieni…
Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ikkundannat il-mod ta’ kif inqalgħu siġar mill-Foss ta’ San Ġakbu barra l-Belt Valletta u qalet li l-attitudni kontra s-siġar qed tippersisti minkejja li hi qed tagħmel minn kollox biex toffri l-għajnuna tagħha, inkluż lill-Ministeru responsabbli mill-ELC li ġew imqabbda jneħħu s-siġar.
L-FAA qalet li hi tifhem li xi siġar kellhom jitneħħew minħabba t-terminus tal-karozzi tal-linja imma saħqet li l-mod dilettantesk li bih tneħħew is-siġar se jwassal biex dawn ftit li xejn jgħixu meta jerġgħu jitħawlu xi mkien ieħor.
L-għaqda qalet li s-siġar setgħu faċilment jinżabru b’mod li jitbaxxew biex ma jgħattux is-swar waqt li fakkret li kemm-il darba ġabet f’Malta arborista mir-Renju Unit biex jagħti pariri dwar is-siġar bit-tama li ssirilhom l-inqas ħsara possibbli.
Ikkundannat ukoll lill-MEPA li ddeskrivietha bħala l-awtorità li suppost tħares is-siġar imma li oriġinarjament approvat il-qerda tas-siġar kollha tal-foss meta Transport Malta stess, fil-pjani tagħha, qed tipproponi li ddaħħal 16 mit-28 siġra tal-post.
L-FAA qalet li x-xogħol dilettantesk fuq is-siġar qed isir b’mod wisq frekwenti u iktar tard, dawk responsabbli mix-xogħol qed jammettu li x-xogħol ma jkunx sar bil-mod professjonali li jkun suppost sar.
L-għaqda qalet li r-responsabiltà finali hi tal-politiċi f’Malta li jittolleraw dan kollu, li jsir b’fondi pubbliċi b’detriment għall-ambjent u s-saħħa pubblika.
//= $special ?>