Lokali

L-Oppożizzjoni tilqa’ r-rapport tal-KE dwar Malta u tissuġġerixxi li l-pajjiż jiġbed ħabel wieħed

L-Oppożizzjoni qalet li tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li Malta toħroġ mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u li l-pajjiż jiġi dikjarat li qed iżomm mal-Patt ta’ Stabilità u ta’ Tkabbir.

Dan hu żvilupp importanti għall-pajjiż u b’hekk il-Gvern jista’ joħloq sentiment pożittiv biex isaħħaħ l-investiment lokali u barrani, jikkonsolida l-finanzi mingħajr ma joħnoq it-tkabbir u jagħmel riformi strutturali l-iktar fil-oqsma tal-pensjonijiet u tas-saħħa.

Il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco u Shadow Minister għall-Finanzi, fi stqarrija, qal li dan l-iżvilupp pożittiv għandu jitqies bħala stimolu biex jiġu indirizzati sfidi immedjati u futuri fil-qasam fiskali.

De Marco qal li l-Kummissjoni rrimarkat li Malta jista’ jkollha diffikultà biex tilħaq il-mira tagħha biex tnaqqas id-defiċit din is-sena. Qal li dan semmietu fid-dawl tar-riskju ta’ sostenibilità fit-tul tal-finanzi tal-pajjiż minħabba li l-popolazzjoni qegħda dejjem tixjieħ u l-ispejjeż se jibqgħu jikbru għall-pensjonijiet u l-qasam tas-saħħa. Qal ukoll li l-Gvern mhux jagħmel progress biex jindirizza din is-sitwazzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn it-twissijiet tal-Kummissjoni Ewropea, l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jibda jaħdem bis-serjetà biex jilqa’ għall-isfidi fiskali u ekonomiċi għall-ġid tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Mario de Marco qal li l-politiċi tal-lum għandhom ir-responsabiltà li jindirizzaw dawn l-isfidi u l-Oppożizzjoni hi lesta li tikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż. Għalhekk, il-PN appella biex il-Gvern jerġa’ jwaqqaf sistemi li permezz tagħhom il-partijiet konċernati kollha, inkluż l-Oppożizzjoni, ikunu jistgħu jiltaqgħu, jiddiskutu u jipproponu mudell fiskali sostenibbli għall-isfidi msemmija mill-Kummissjoni Ewropea.

Mario de Marco saħaq li l-aħjar triq ’il quddiem hi li jkun hemm viżjoni u rieda li l-pajjiż kollu jaħdem flimkien fuq dawn l-isfidi.