L-aħbar li ċ-Champions tal-Italja Juventus għaddew għall-finali taċ-Champions League u se jaffrontaw lil Barcelona, li se tintlagħab fis-6 ta’ Ġunju li ġej f’Berlin, emozzjonat lill-eluf ta’ partitarji f’Malta.
Imma dawk li kienu qed joħolmu li jsegwu lit-tim favorit tagħhom fil-finali ta’ Berlin jistgħu jibqgħu b’xiber imnieħer hekk kif għall-biljett biss qed jintlabu jħallsu prezzijiet li jibdew minn €2,000, u jibqgħu tilgħajn għal somom ferm ikbar.
Dan wassal biex xi aġenziji tal-ivjaġġar Maltin li s-soltu jtellgħu gruppi ta’ partitarji għal logħob tal-kampjonat jew Ewropew għalu li ma jorganizzawx tours u ma jbiegħhux biljetti għal din il-finali.
Jirriżulta li l-problema ewlenija għal dawn il-prezzijiet, hi li l-UEFA allokat biss 40,000 biljett tal-finali, minn total ta’ 70,500, għall-partitarji tal-finalisti Juventus u Barcelona. Dan meta Barcelona matul l-istaġun ikollhom medja ta’ 70,000 partitarju fin-Nou Camp, waqt li Juventus jilqgħu medja ta’ 40,000 partitarju fil-Juventus Stadium.
Il-kumplament tal-biljetti marru għand sponsors u corporate partners tal-UEFA, bil-konsegwenza li l-prezzijiet madwar id-dinja qed jiżdiedu iktar ma jgħaddi l-ħin, u f’xi każi fl-Ingilterra saħansitra qed jinbiegħu għal £12,000 kull wieħed.
//= $special ?>