Futbol Lokali Sport

Mosta jibqgħu Premier b’gowls fl-aħħar

MOSTA ………………..2

GŻIRA U. ……………….0

Mosta: O.Borg, T.Farrugia, I.Zammit, R.Ekani, G.Roberts, H.Babangida, M.Brincat, D.Falzon, A.Borg, R.Grech, K.Frendo.

Sost: 62min U.Fortune flok A.Borg, 76min K.Magro flok R.Grech, 93min K.Pulo flok K.Frendo.

Gżira U.: A.Curmi, D.Scerri, D.Vukovic, G.Aquilina, J.Scerri, M.Avila Perez, J.Pace, J.Mifsud, J.Nwoba, R.Dalli, Y.Tonna.

Sost: 90min M.Caribotti flok D.Vukovic.

Imwissija: D. Scerri, G. Aquilina, A. Curmi (G) R. Grech, Ekani, G. Roberts, U. Fortune (M)

Skurjaw: 89 min U. Fortune, 93 min G. Roberts (M)

Referee: Philip Farrugia

In-Nazzjon plejer tal-logħba: A.Curmi (G)

Attendenza: 1023

Żewġ gowls fl-aħħar żewġ azzjonijiet tal-partita żammew lill-Mosta mal-aqwa timijiet Maltin.  L-avversarji Gżira United iddeffendew bi qlubija kważi partita sħiħa u kellhom ukoll l-okkażjonijiet tagħhom, imma kellhom iċedu fl-aħħar minuta tal-logħba biex sfumat il-ħolma tagħhom li jerġgħu jirritornaw jilagħbu mal-kbar wara 33 sena.

Fil-Play-off  għal min se jkun it-12-il tim tal-Premier l-istaġun li ġej,  Mosta li spiċċaw it-tielet mill-aħħar wara li kienu bdew tajjeb l-istaġun u spiċċaw ħażin, lagħbu kontra Gżira li għall-kuntrarju kienu bdew ħażin il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u spiċċawh tajjeb billi spiċċaw it-tielet wara li rebħu d-decider kontra Melita.

Dan l-istaġun kienu diġà ltaqgħu fit-Trophy u faċilment kienu rebħu Mosta.  Imma dan id-decider kien xorta oħra għax il-Maroons ma għamlux il-logħba tal-Mosta faċli.

L-ewwel azzjoni perikoluża ġiet fil-kwarta minn freekick mogħti minn Jamie Pace mid-distanza bil-ballun li għal ftit ma sabx il-lasta.  Gżira, aktar m’għaddew il-minuti aktar rabbew il-kuraġġ u bdew ikunu anki huma perikolużi.  Fl-20 minuta l-attakkant tal-Maroons  Nwoba, għadda tajjeb, qabeż difensur ta’ Mosta imma spara għoli.

Fis-37minuta l-Blues laqtu l-ewwel miż-żewġ lasti li laqtu fl-ewwel taqsima, bix-xutt ta’ Ian Zammit, li rritorna għall-Blues, jolqot il-wieqfa, mir-rebound Ekani quddiem il-lasta waħdu tefa’ barra.  Fl-40 minuta xutt ta’ Dalli għal ftit ma ħasadx lil Borg li salva b’diffikultà f korner.  Mill-istess korner daqqa ta ras ta’ Pace ġiet salvata mid-difensur Ekani pass il-quddiem mil-linja.  Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima Mosta reġgħu laqtu l-lasta, din id-darba l-mimduda, meta minn freekick ta’ Falzon, Mifsud biex jiddefendi, laqat bi spalltu u kien se jagħmel awtogowl.

Fit-tieni taqsima kien hemm iżjed spazji għaż-żewġ naħat u l-ewwel kien Babangida għall-Mosta li pprova xutt kross li ma sab lil ħadd u sekondi wara Nwoba fuq in-naħa l-oħra xxuttja għoli.  Fil-65 minuta l-episodju li seta’ biddel il-partita meta Aquilina waqqa’ lil Farrugia fil-kaxxa u r-referee Philip Farrugia ordna l-penalty.

Mill-11-il metru Ian Zammit ixxuttja ċentrali u Curmi salva b’mod tajjeb.  Mosta komplew jippressaw għall-gowl tar-rebħa u fit-72 minuta Curmi kellu jwettaq miraklu, meta salva bl-istint daqqa ta’ ras ta’ Zammit minn quddiemu wara kross ta’ Ekani.

Fit-89 minuta wasal il-gowl Mosti li fisser salvazzjoni.  Minn kross ta’ Ekani, għola bir-ras is-sostitut FORTUNE li għamel il-fortuna tal-Mosta u għeleb lil Curmi bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jispiċċa fix-xibka.  Fil-ħin miżjud, meta Gżira ntefgħu fuq l-attakk biex isalvaw il-logħba, l-Blues qabduhom b’kontrattakk ta’ Babangida li qassam lejn Gary ROBERTS li għalaq il-partita u temm it-tamiet ta’ Gżira fos til-fetħ tad-diriġenti Mostin.