Internazzjonali

Nanna serqet ‘il fuq minn elfejn Sterlina minn bank biex tmur tilgħabhom

Nanna ta’ 45 sena li wettqet hold-up ġo bank biex ikollha flus biżżejjed għal-logħob tal-ażżard kienet ikkundannata għal erba’ snin ħabs minn qorti ta’ Manchester.

Il-verdett kien ikkonfermat ġimgħat wara li hi inqabdet ‘qed idaħħal il-flus misruqa ġo slot machine’ dritt wara li kien irnexxilha taħrab mill-bank b’aktar minn 2,000 lira Sterlina fi flus kontanti.

Il-mara, Victoria Horrocks, kienet daħlet fil-Bank ta’ Natwest, f’Hyde, fi Greater Manchester,fejn baqgħet tistenna wara n-nies sakemm kien imissha li tinqeda. Meta Horrocks, imbagħad, ġiet wiċċ-imb-wiċċ mal-iskrivana, hi ressqitilha nota ‘biex timla basket tas-supermarket (li qabdet u newwlitilha dak il-ħin) bil-flus u biex ma tagħmilx ħoss, inkella kellha tissogra sparatura’.

L-iskrivana, wara, qalet li l-mara ‘għamlitha ċara li ma kenitx qed tiċċajta’. Fl-istess waqt, l-iskrivana innutat ‘oġġett li deher ħiereġ mill-basket u li ħasbitu pistola’ u fejn bdiet tpoġġi l-flus fil-basket – iżda mhux qabel irnexxielha tattiva s-sistema tal-allarm.

L-iskrivana anki tefgħet pakkett tas-security dye fil-basket li ‘sploda’ għal fuq il-flus kontanti waqt li Horrocks kienet qed taħrab mill-bank. Il-ħalliela, imbagħad, daħlet ġo amusement arcade fiċ-ċentru ta’ Manchester fejn rawha qed iddaħħal il-flus imċappsin biż-żebgħa ħamra fis-slot machines. Intant, il-magna ma aċċettatx ul-karti tal-flus, b’wieħed mill-ħaddiema f’dan il-post tad-divertiment jissuspetta fil-mara u jikkuntattja lill-pulizija.

Il-każ kien seħħ fl-aħħar ta’ Marzu, b’Victoria Horrocks titressaq il-qorti b’urġenza u tammetti l-ħtija dwar il-‘hold up’.