Lokali

Opportunità li tirbaħ Citroen C4 Cactus meta żżur il-Fiera l-Kbira

Dawk kollha li jżuru l-Fiera l-Kbira fil-MonteKristo Estate se jidħlu fiċ-ċans li jirbħu Citroen C4 Cactus, vettura rebbieħa ta’ diversi premjijiet internazzjonali. Dan hu possibbli grazzi għal ftehim esklussiv li ntlaħaq bejn Michael Attard Ltd u Il-Fiera l-Kbira.

Dr Jean Paul Sammut, il-Kap Eżekuttiv ta’ MonteKristo Estate, qal li l-aktar li se jgawdu minn dan il-ftehim huma l-viżitaturi tal-Fiera. “Is-sena li għaddiet kellna ftit aktar minn 100,000 viżitatur għall-Fiera l-Kbira. Meta wieħed iqis ir-rispons qawwi li kellna s’issa, jidher li din is-sena se jkollna attendenza saħansitra akbar. Dan il-ftehim hu l-mod tagħna kif ngħidu grazzi lil dawk li jżuruna. Hu wkoll ta’ pjaċir għalina li nkunu assoċjati ma’ kumpanija bħal Michael Attard Ltd, filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għal aktar kollaborazzjoni fil-futur”, temm jgħid Dr Sammut.

Luke Attard, id-Direttur tal-Marketing ta’ Michael Attard Ltd, qal li l-Fiera l-Kbira tipprovdi opportunità għall-kumpanija biex tippreżenta aktar is-Citroen. “Il-post jagħti ċ-ċans lill-pubbliku jara l-karozza b’kumdità. Ninsabu ħerqana biex nippreżentaw is-Citroen C4 Cactus, li rebħet numru ta’ premjijiet internazzjonali, lir-rebbieħ fortunat tal-Fiera l-Kbira”, qal Luke Attard.

Id-diżinn innovattiv tas-Citroen C4 Cactus mal-ewwel intlaqa’ b’entużjażmu qawwi madwar id-dinja. Fost id-diversi premjijiet li rebħet din il-karozza hemm 21 premju mill-istampa Ewropea f’diversi setturi, b’mod partikolari b’rabta mad-diżinn, il-kumdità u l-konsum baxx. Rebħet ukoll il-World Car Design of the Year għall-2015.

It-tieni edizzjoni tal-Fiera l-Kbira mistennija terġa’ tiġbed lejha eluf ta’ viżitaturi, li se jkunu jistgħu jgawdu minn offerti speċjali offruti mill-aktar kumpaniji rinomati f’Malta, kif ukoll il-possibbiltà li jirbħu numru ta’ premjijiet, li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-pubbliku hu mistieden isegwi l-paġna fuq Facebook “fierakbira” u s-sit elettroniku www.fierakbira.com għal aktar informazzjoni dwar il-Fiera l-Kbira, kif ukoll il-paġna fuq Facebook “Citroen Malta” u s-sit elettroniku www.citroen.com.mt għal aktar informazzjoni dwar is-C4 Cactus.