Internazzjonali

Tħassib dwar terroristi potenzjali li qed jirritornaw fir-Renju Unit

Il-Pulizija ma’ Scotland Yard wissew li ‘l fuq minn 700 persuna suspettati bħala terroristi potenzjali ivvjaġġaw lejn is-Sirja u li ‘mijiet minnhom’, illum, irritornaw fir-Renju Unit.

Qed jingħad li madwar 350 persuna li qed iqajjmu t-tħassib ‘sinifikanti’ jinsabu lura fir-Renju Unit wara li kienu marru fis-Sirja. Dan fost rapporti li l-pulizija qed tarresta almenu ‘terrorista suspettat kuljum’.

Bejn l-2014 u din is-sena, il-pulizija fir-Renju Unit arrestat rekord ta’ 338 persuna fuq suspett ta’ aġir terroristiku. Dan meta l-Assistent Kummissarju, Mark Rowley — li jmexxi l-fergħa nazzjonali (tal-pulizija) għal kontra t-terroriżmu – qal li aktar min-nofs tal-arresti kienu ‘relatati mas-Sirja’.

Hu anki rrefera għall-mijiet tan-nies li vvjaġġaw mir-Renju Unit lejn is-Sirja u li qed iħassbu ħafna lill-pulizija u s-servizzi tas-sigurta Britannika. Rowley għamilha ċara li l-persuni suspettati ‘m’humiex ħaddiema tal-għajnuna u lanqas ma kienu qed iżuru lill-qraba fis-Sirja’.

Intant, il-Foreign Office ta’ Londra qed jinvestiga rapporti li tlett tfajliet tal-iskola Britanniċi ħarbu lill-grupp militanti fl-ISIS fl-Iraq u meta, għalissa, ħadd ma jaf il-lokalita tagħhom. Hemm spekulazzjoni li t-tlett ibniet jistgħu huma eks-residenti ta’ Londra li, aktar kmieni fis-sena, kienu siefru bl-iskop speċifiku li jissieħbu mal-ISIS.