Il-Gvern ippreżenta rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Port Cottonera Hotel Development Co. Limited, Galleys Development Co. Ltd u Vittoriosa Gaming Limited. F’dan ir-rikors, il-Gvern permezz tal-Kummissarju tal-Artijiet talab lill-Qorti sabiex tordna lil dawn it-tliet kumpaniji jħallsu l-arretrati dovuti minnhom f’ċens, kif ukoll li jroddu lura l-art.
Fir-rikors quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, il-Gvern qal li fil-preżent, b’rabta mal-Port Cottonera Emphyteutical Site, hemm aktar minn żewġ pagamenti ta’ ċnus dovuti għall-parti fejn hemm il-Casino Di Venezia, il-biċċa art tal-kejl ta’ 2500 metru kwadru u The Residence of the Palace of the Captain of the Galleys’ Squadron. Dan minkejja li l-Kummissarju tal-Artijiet bagħat ittra uffiċjali lill-kumpaniji intimati biex isewwu l-pożizzjoni tagħhom imma huma baqgħu ma għamlu xejn.
Għaldaqstant il-Gvern qed jitlob lill-Qorti biex tiddikjara li l-kumpaniji intimati waqgħu lura fil-ħlas taċ-ċens, li kisru l-kuntratti li saru mal-Gvern bejn it-2 ta’ Ġunju 1999 u t-28 ta’ Ġunju 2011 u tikkundannahom iħallsu lill-Kummissarju tal-Artijiet solidalment bejniethom l-ammont ta’ arretrati kollha li huma dovuti minnhom għall-okkupazzjoni tagħhom inkluż l-imgħax legali. Il-Gvern qed jitlob ukoll lill-Qorti biex tiddikjara l-ħall tal-konċessjoni enfitewtika kif ukoll li tordna lill-kumpaniji intimati jroddu lura l-istess sit lill-Gvern ħieles minn kull okkupant u benefikati.
//= $special ?>