Lokali

Il-ħidma tal-MOAS ma’ tieqaf qatt – Salvati 1,441 persuna

Fi tnax il-ġurnata l-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) salvat il-ħajja ta’ elf, erbgħa mija wieħed u erbgħin persuna f’missjonijiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran. Dan qalitu l-MOAS fi stqarrija għall-istampa.

Stqarrija li fiha ġie spjegat li sa mit-2 ta’ Mejju saru sitt missjonijiet permezz tal-vapur M.Y. Phoenix. MOAS qalet li l-Medecins Sans Frontières minn naħa tagħhom pprovdew l-assistenza wara s-salvataġġ fosthom l-assistenza medika.

Fil-fatt l-vapur M.Y. Phoeniex ma rritornax Malta il-Ħamis li għaddha kif kien mistenni hekk kif kompla bil-ħidma ta’ salvataġġ tant li bħalissa jinstab fi triqtu lejn Messina fi Sqallija b’aktar minn erba mitt immigrant irregolari abbord.

Il-fundatur ta’ MOAS Christopher Catrambone stqarr li ħadd mill-membri tal-ekwipaġġ ma’ kien qatt ra sitwazzjoni bħal din. Tkellem dwar l-istejjer tat-tkexkix li jitkellmu dwarhom bosta mill-immigranti salvati.

Minn naħa tiegħu id-Direttur ta’ MOAS l-eks Brigadier Martin Xuereb esprima sodisfazzjon għal fatt li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu azzjoni immedjata sabiex issalva l-ħajjiet.

Il-ħidma ta’ MOAS hija skedata li tkompli sa Ottubru bl-għaqda tappella għad-donazzjonijiet sabiex il-ħidma tkun tista’ tkompli aktar fit-tul. Donazzjonijiet jistgħu jsiru fuq is-sit ta’ MOAS www.moas.eu.

Filmat mibgħut mill-MOAS fl-istqarrija għall-istampa