Internazzjonali

Il-militar tal-Iraq iwieġeb għall-kriżi ta’ Ramadi

L-awtoritajiet fl-Iraq qed jibgħatu r-reinforzi militari lejn il-belt ta’ Ramadi wara li l-ġellieda tal-grupp ISIS ħatfu numru ta’ bini ewlenin f’dik il-lokalita.

Kelliema għall-militar Iraqqin qalu, sadanittant, li t-truppi tagħhom qed jingħataw l-appoġġ mill-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti.

Nhar il-Ġimgħa, il-ġiħadisti tal-ISIS tellgħu l-bnadar suwed tal-moviment tagħhom fuq id-diversi bini tal-Gvern f’Ramadi. Dan wara li huma kienu użaw il-vetturi mimlija bl-isplussivi għall-attakki suwiċida fuq l-istess bini.

Ir-rapporti qalu li l-ISIS, fil-preżent, qed jikkontrolla l-parti kbira ta’ Ramadi li hi l-kapitali ta’ Anbar; l-akbar provinċja tal-Iraq. Jekk il-ġiħadisti jirnexxilhom jieħdu l-kontroll assolut ta’ Ramadi, il-konsegwenzi mistennija jkunu ‘ħorox ħafna’ għall-Gvern ta’ Bagdad, li issa bagħat tlett riġmenti ta’ suldati lejn iz-zoni madwar dik il-belt.

Għalkemm l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni kontra l-ġiħadisti tal-ISIS qed isiru regolarment, l-uffiċjali tal-Iraq enfasizzaw ‘is-sitwazzjoni mwiegħra’ fl-inħawi ta’ Ramadi. L-istqarrijiet qed jindikaw l-inkwiet tal-Gvern Iraqi u kemm saret serja s-sitwazzjoni fl-inħawi.

Mietu talanqas għaxar pulizija fl-assalt ta’ nhar il-Ġimgħa mill-aggressuri tal-ISIS fuq il-kumplessi tal-Gvern f’Ramadi. Ir-rapporti qalu wkoll li aktar minn 50 pulizija spiċċaw priġuniera tal-ġiħadisti.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, wiegħed li jibgħat l-armamenti ta’ ċertu kalibru – fosthom tipi ta’ missili li jistgħu jinġarru u jkunu sparati mis-suldati — lill-qawwiet Iraqqin li qed jirreżistu lill-ISIS.