Ftit tal-ħin ilu Fr. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, ppreżenta l-ittra mitluba minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li permezz tagħha jista’ jingħata bidu għall-proċess tal-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanoniżżazzjoni ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi, l-Fundatur tad-Dar tal-Providenza.
Fl-ittra tiegħu Fr Martin iddeskriva lil Monsinjur Azzopardi bħala l-Appostlu tal-Providenza u saċerdot mimli b’imħabba u żelu pastorali kbir għall-poplu ta’ Alla.
Fr Martin issokta jikteb li “l-Mulej sejjaħlu biex permezz tal-ministeru saċerdotali, hu jagħti xhieda evanġelika kbira b’mod speċjali fl-imħabba speċjali tiegħu lejn il-morda u l-persuni b’diżabilità. Huwa kellu fidi straordinarja fil-Providenza Divina u mħabba kbira lejn Marija Santissima. Għal bosta Monsinjur Azzopardi kellu fama ta’ qdusija.”
Aktar kmieni…
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, illum se jikteb formalment lill-Arċisqof ta’ Malta biex jibda l-proċess li għandu jwassal għall-beatifikazzjoni tal-fundatur tad-Dar tal-Providenza Monsinjur Mikiel Azzopardi.
Dwar dan, MaltaRightNow.com tkellem ma’ Fr Martin Micallef.
Il-mixja twila biex Mons. Azzopardi jkun dikjarat beatu se tibda wara li l-Arċisqof Monsinjur Charles J Scicluna ħabbar li se jibda dan il-proċess waqt attività fid-Dar tal-Providenza fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ftuħ tagħha.
Fr Martin Micallef spjega lil dan is-sit li issa tibda l-ħidma biex jinstabu każi mirakolużi ta’ fejqan bl-interċessjoni ta’ Dun Mikiel Azzopardi.
Hu spjega li fil-fatt hu jaf b’persuna li kull sena jżur il-qabar ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi fid-Dar tal-Providenza minħabba li jemmen li ibnu fieq bi grazzja maqlugħa minn Dun Mikiel Azzopardi.
Id-Dar, li toffri kenn lil persuni b’diżabbiltà, din is-sena qed tiċċelebra 50 sena mill-ftuħ tagħha u kien proprju f’din l-okkażjoni li f’nofs din il-ġimgħa ġie inawgurat dak li qed jissejjaħ Misraħ San Giovanni XXIII – spazju ċentrali fid-Dar tal-Providenza li jintuża mir-residenti u l-voluntieri għal diversi attivitajiet.
Monsinjur Azzopardi, jew kif inhu magħruf aħjar ‘Dun Mikiel’, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.
Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, iddeskriva lil Dun Mikiel bħala qassis qaddis, dinamiku, li kien kapaċi joħlom u jwettaq. Alla bagħtu biex ikun ragħaj tal-poplu tiegħu u hekk għamel b’ħafna mħabba, l-ewwel fl-Azzjoni Kattolika Maltija fejn fost ħafna affarijiet oħra waqqaf il-Kummissjoni Ħidma Morda u Persuni b’Diżabbiltà.
Minn hemm, Dun Mikiel kompla biex waqqaf id-Dar tal-Providenza, proprju 50 sena ilu, fejn ġabar il-persuni b’diżabbiltà li kienu moħbija u mwarrba mis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien.
//= $special ?>