Aktar kmieni din il-ġimgħa l-ġurnal ‘In-Nazzjon’ żar Għawdex u fost l-oħrajn ra mill-qrib numru ta’ xogħlijiet fil-privat allegatament magħmula fl-aħħar sentejn minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern.
Fi storja fil-ħarġa tal-llum ta’ In-Nazzjon il-ġurnal jgħid li ra li x-xogħlijiet f’Għawdex ma sarux biex ibbenefikaw xi Kunsilli Lokali, xi assoċjazzjonijiet jew għaqdiet sportivi jew xi skejjel… imma saru direttament biex jibbenefikaw minnhom individwi u familji li b’xi mod jew ieħor huma qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo.
Fost l-oħrajn l-ġurnal jgħid li żar Triq San Duminku fir-Rabat fejn setgħa jara lesti xogħlijiet ġodda fuq faċċata ta’ proprjetà privata. Dwar din il-proprjetà u x-xogħlijiet li saru fiha fix-xhur li għaddew In-Nazzjon jgħid li kellu volum ta’ informazzjoni mill-aktar interessanti.
Jirriżulta li żewġ persuni xtraw din il-proprjetà u wara għamlu talba għall-permess tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar biex f’din il-proprjetà privata jiżviluppaw żewġ verandi.
Il-MEPA pproċessat din it-talba u ħarġet il-permess biex f’din id-dar mixtrija minn żewġ persuni jkunu żviluppati dawn iż-żewġ verandi.
Madankollu minflok ma sar hekk, kienu żviluppati żewġ garaxxijiet li fihom ikunu pparkjati l-karozzi. Dan mhux skont il-permessi maħruġa mill-MEPA.
Fil-ħin li aħna żorna dan il-post, f’dawn iż-żewġ garaxxijiet kien hemm ipparkjati żewġ karozzi – waħda tat-tip Hyundai Accent bin-numru tar-reġistrazzjoni ZOE 999 u oħra tat-tip Hyundai Excel bin-numru tar-reġistrazzjoni GAI 883.
Jirriżulta wkoll li – u dan hu ferm u ferm agħar minn dak li diġà żvela In-Nazzjon f’ammont ta’ xogħlijiet li saru fuq dan is-sit – li biex setgħu jkunu żviluppati l-garaxxijiet kellha titwaqqa’ l-faċċata tal-binja u kienu involuti wkoll ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex.
Il-ġurnal kompla jiżvela ukoll kif biex is-sidien ta’ din il-proprjetà jkunu akkomodati mill-koxxa nqalgħet parti mill-bankina ta’ Triq San Duminku u minflok saret rampa.
Minn aktar informazzjoni li kiseb jirriżulta wkoll li fil-post fejn kien qiegħed isir ix-xogħol, ta’ spiss kien jidher ukoll Philip Vella li hu s-Sindku ta’ Ta’ Sannat u uffiċjal fil-Ministeru għal Għawdex.
Dwar Philip Vella In-Nazzjon qalet li ser tirrapporta aktar fil-jiem li ġejjin għaliex waqt iż-żjara f’Għawdex kien hemm ukoll l-opportunità li ssir żjara Ta’ Sannat, fejn il-ġurnalist iltaqgħa ma’ xi Għawdxin, u kiseb informazzjoni mill-aktar interessanti.
Dan il-każ dwar din il-proprjetà fi Triq San Duminku fir-Rabat hu każ ieħor frisk ta’ abbuż f’Għawdex fejn ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jaħdmu fi proprjetajiet privati biex qegħda tkompli titwal il-lista ta’ abbużi sfaċċati f’Għawdex fl-aħħar sentejn.
Abbuż li jifforma parti minn katina sħiħa ta’ xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern f’numru ta’ postijiet.
Dawn huma: xogħol f’ristorant f’Marsalforn, xogħol f’għelieqi privati fil-limiti tal-Għasri wara l-ġibjun, xogħol fi proprjetajiet privati fi Triq il-Ħorġ f’Ta’ Kerċem u fil-Wied tal-Għeżien fix-Xagħra, xogħol fi proprjetà ta’ kanvasser ta’ Anton Refalo fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem, xogħol f’razzett f’Ta’ Sanap fil-Munxar, xogħol f’numru ta’ garaxxijiet privati fiz-zona ta’ Ta’ Dbieġi f’San Lawrenz, xogħol biswit diversi għelieqi li tidħol għalihom minn trejqa privata int u tiela’ n-Nadur u l-aħħar każ li żvelajna, jiġifieri l-bini ta’ ħajt ta’ seba’ filati fin-Nadur ukoll.
Ta’ min ifakkar li aktar kmieni din il-ġimgħa wkoll, fi żvilupp xejn mistenni l-Ministru Edward Zammit Lewis u d-Deputat Laburista Deborah Schembri ddistakkaw kompletament ruħhom meta mistoqsija jekk jeskludux li fl-aħħar sentejn sar xogħol f’Għawdex minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern.
Din id-dikjarazzjoni tagħhom li huma ma jeskludu xejn, għamluha waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista propju dwar dan is-suġġett.
Wara li kienu mistoqsija minn ‘In-Nazzjon’, huma enfasizzaw li ma jeskludu xejn waqt li żiedu, iżda, li hemm il-Pulizija li kapaċi tinvestiga u li kemm-il darba lill-Pulizija jirriżultawlha abbużi, allura huma konvinti li tieħu dawn l-abbużi fil-Qorti.
‘In-Nazzjon’ irrapporta diġà kif il-Pulizija f’April li għadda kienet elevat numru ta’ fajls mill-Ministeru ta’ Għawdex bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħha dwar xogħlijiet abbużivi li saru f’Għawdex fl-aħħar sentejn.
Dwar dan kollu l-Ministru Anton Refalo baqa’ fommu sieket u kien biss wara li żvelajna l-aħħar żewġ każi li d-DOI ħareġ stqarrijiet biex jiddefendi lill-Ministru.
Stqarrijiet – mimlijin taħwid u vvintar – qal il-PN, li jikkonfermaw kemm il-pożizzjoni ta’ Anton Refalo m’hix waħda tenibbli.
Għax ma jistax ikollok investigazzjoni għaddejja u fl-istess ħin, il-Ministru taħt investigazzjoni joħroġ stqarrijiet f’attentat iddisprat li jiddefendi għemilu.
Agħar minn hekk, qal il-PN, huwa skandaluż kif Ministru li jinsab taħt investigazzjoni jippubblika dikjarazzjonijiet ta’ individwi privati biex jiprova jgħatti xturu.
Huwa wkoll ta’ għajb li l-Partit Laburista qed juża flus il-poplu Malti u Għawdxi – d-Dipartiment tal-Informazzjoni – biex joħroġ stqarrijiet mimlijin tgħajjir u li fihom jiprova jgħawweġ il-fatti.
Joseph Muscat qed iħalli lil Anton Refalo jagħmel li jrid, qal il-PN.
//= $special ?>