Lokali

Jikber il-konfront fil-Labour – Marlene Farrugia tirrispondi lil Luciano Busuttil

“Li kieku jien kont daqsekk kritiku tal-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat, kont nikkunsidra serjament li nħalli l-Grupp Parlamentari b’rispett lejn il-poplu u l-kollegi tiegħi.”

Kien dan il-messaġġ tad-Deputat Laburist Luciano Busuttil ftit wara l-kritika ta’ Marlene Farrugia dwar żvilupp fuq ona ODZ f’Marsaskala.

Dan wara li Marlene Farrugia għamlet allegazzjonijiet serji fejn stqarret li l-Gvern Laburista hu obbligat lejn xi ħadd biex qed ikompli għaddej bid-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-art f’Marsaskala lill-investituri mill-Ġordan biex tinbena universita’ ġdida f’żona barra mill-iżvilupp.

Imma pront irrispondiet Marlene Farrugia li allegat li lil Luciono Busuttil iddejqu wisq il-verita’, u filwaqt li rreferiet għalih bħala miskin, kompliet li “jippreferi joqgħod sieket u jgawdi milli jitkellem għan-nies u jbagħti.”

Staqsiet “min jaf għaliex qed jitħaddet hekk”, meta jikkritika lilha li qed titkellem kontra żvilupp privat f’art pubblika f’żona ODZ.

Iktar kmieni Marlene Farrugia qalet li l-obbligi li skont hi ntrabat bihom il-gvern Laburista issa qed jisfurzawh jagħmel dak li ma jixtieqx, biex spiċċa qed jaħdem għal dawk li huma tat-tajjeb u kontra l-familji li jitħabtu biex jgħixu.

F’post fuq Facebook Marlene Farrugia kompliet li jekk il-Gvern “jibqa’ deċiż li jkasbar l-ambjent u jippermetti żviluppi f’żona ODZ minflok ma jħares il-kampanja u l-kosta prezzjuża li baqgħalna, jista’ jagħti l-każ li jkollna niġbru l-firem għall-petizzjoni biex nagħmlu referendum ieħor li bih nakkwistaw u nassiguraw il-ħarsien tal-beraħ TAGHNA LKOLL ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern.”

Lejliet, Marlene Farrugia ħabbret ukoll li jekk il-Gvern iressaq din il-proposta’ ta’ universita’ ġdida quddiem il-Parlament, hi mhix lesta li tivvota favur dan l-iżvilupp, li sejħitlu bħala “l-qerda ta’ art verġni f’ODZ.”

Saħansitra allegat li fl-aħħar ġimgħat fiż-żona fejn se tinbena’ din l-universita’ interfa’ t-terrapien bl-iskop li ż-żona tidher kerha u żdingata. “Biex taraw il-qerq!” kitbet Marlene Farrugia, filwaqt li appellat lin-nies biex ma jibilawx is-sunnara li l-post hu żdingat għaliex “il-Gvern u min għandu l-art obbligat li jindokra l-art , mhux l-inqas bit-taxxi tagħkom.”

Saħqet ukoll li l-Partit Laburista, kemm ilu li ħa l-poter, qatt ma sejħilha, u allura l-unika mezz biex tilħaq lill-poplu hi l-midja soċjali.

“Dak li gawdejt jien fi tfuliti rridu għat-tfal tal-lum u ta’ għada. Diġa’ il-wesgħat ħielsa u naturali ta’ Malta ċkienu bil-kbir jew għosfru kompletament. Ħafna bajjiet fin-naħa t’ isfel intradmu taħt l-industrija, miżbliet, jew taparsi investiment. Ħafna sajjieda diġa’ tilfu l-irmieġ tagħhom u diġa’ ħafna bajjiet trid tikri siġġu u umbrella bilfors biex toqgħod fihom,” kompliet Marlene Farrugia.

Iktar minn hekk stqarret ukoll it-twemmin tagħha li “mal-bejgħ tal-Enemalta, il-Bambin biss jaf kemm meded ta’ art oħra għaddew f’idejn ix-shareholders Cinizi u x’ ser isir minn dawn l-artijiet ma nafux.”

U filwaqt li ndirizzat lid-Deputat tal-gvern Silvio Parnis, li appella biex ma jitgerrixx dan l-investiment, qalet hekk: “Dak li konna nitkellmu b’ tant qilla kontrieh qabel l-elezzjoni, issa sar kollu tajjeb u qed tiġġustifikaw trattament agħar tal-ambjent li fadal? Għandkom tant inferiority complex li tridu tagħtu artna lill-barrani bil-ħbub u tkeċċu l-bdiewa tagħna?”