Internazzjonali

Jinqatel membru ewlieni tal-ISIS fis-Sirja

Il-qawwiet speċjali tal-Istati Uniti wettqu rejd fuq zona lejn il-Lvant tas-Sirja fejn qatlu membru ewlieni tal-grupp ISIS minbarra li ħatfulu lil martu.

Il-maqtul, Abu Sayyaf, kien jgħin imexxi l-operat tal-ISIS fl-oqsma taż-żejt, il-gass u l-finanzi. Dan waqt li l-istess Abu Sayyaf kien magħruf ukoll għar-rwol militari li kellu mal-ISIS.

Stqarrija mill-Pentagon ta’ Washington qalet li Abu Sayyaf inqatel waqt konfront mal-qawwiet Amerikani, fl-inħawi ta’ al-Amr. Ingħad ukoll li l-azzjoni tal-qawwiet Amerikani fis-Sirja kienet awtorizzata mill-President tal-Istati Uniti, Barack Obama u li l-protagonisti fir-rejd kienu suldati li huma bbażati fl-Iraq.

Mifhum li l-Amerikani ma ġarrbu l-ebda vittmi waqt ir-rejd.

L-aħħar rapporti qalu li Umm Sayyaf, il-mara ta’ Abu Sayyaf, hi suspettata bħala membru tal-ISIS u li hi kienet kompliċi fl-iskjavitu ta’ mara mill-komunita tal-Yazidi li nħelset waqt ir-rejd fuq al-Amr.