Internazzjonali

John Kerry jesprimi tħassib dwar proġetti taċ-Ċina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, qal li hu mħasseb dwar l-iskop tal-proġetti taċ-Ċina li trid tieħu taħt idejha numru ta’ zoni kkuntestati fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

Kerry qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Beijing fil-preżenza tal-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi.

Iċ-Ċina qed tinsisti bid-dritt tas-sovranita fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar kollu, u meta pajjiżi bħall-Brunej, it-Tajwan, il-Filippini, il-Vjetnam u l-Malasja ukoll qed jinsistu bid-drittijiet rispettivi fl-istess zona.

Il-Ministru Wang qal li ċ-Ċina hi determinata li tissalvagwarda s-sovranita tagħha waqt li John Kerry tenna li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ Beijing jesiġu li ż-żewġ naħat jitkellmu ċar dwar il-pożizzjonijiet rispettivi mingħajr ma jduru mal-lewża. Hu, imbagħad, ħeġġeġ biex iċ-Ċina tieħu azzjoni xierqa biex tonqos it-tensjoni fir-reġjun delikat.

Il-programm ta’ Kerry fiċ-Ċina jinkludi sensiela ta’ laqgħat mal-President Ċiniż Xi Jinping u diversi uffiċjali oħra tal-Gvern ta’ Beijing.