Lokali

Simon Busuttil iżur lil Pauline Stagno lejliet li tagħlaq mitt sena

Pauline Stagno għada tagħlaq mitt sena, u ma jistax jonqos li dan ikun mument specjali għall-familja tagħha. Familja estiża, għax apparti 13-il wild, Pauline għandha 40 neputi u 40 pro-neputijiet!

Imdawwra mit-tfal tagħha u numru kbir ta’ neputijiet, Pauline tgħid li għall-eta’ tagħha, tħossha tajba.

Pauline twieldet fis-17 ta’ Mejju tal-1915. Fis-sena li fiha twieldet Pauline, kienet diġa’ bdiet l-ewwel gwerra dinija. Imwielda f’Bormla, Pauline ftit tiftakar mill-ewwel gwerra dinija, imma tiftakar ċar it-tieni gwerra dinija. Fosthom ix-xelter.

Fix-xelter, Pauline kellha żewġt itfal!

U ż-żjarat f’għeluq snin Pauline ma naqsux, fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li żar l-anzjana fir-residenza tagħha f’Marsaxlokk. Hu ppreżentala bukkett fjuri u kartolina, filwaqt li awgurala l-isbah xewqat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaxlokk William Pomroy.

Bejn l-1955 u l-1973, Pauline flimkien mal-familja tagħha għexu l-Awstralja. Wara, ġew lura Malta, fejn sal-lum għada tgħix f’Marsaxlokk għall-wens ta’ uliedha li jduru biha.