Lokali

Simon Busuttil jgħid li l-enerġija tal-volontiera hija aqwa mill-flus

Aħna la aħna partit korrott u lanqas sinjur. Ma morniex naħtfu art pubblika bħalma jagħmel il-Labour. Imma għandna aqwa: għandna l-enerġija volontarja u l-qalb tagħkom li hi ħafna aqwa mill-flus.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt riċeviment li sar mill-Partit Nazzjonalista għall-volontiera bħala ringrazzjament tax-xogħol tagħhom.

Filwaqt li tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, fejn saħansitra rebaħ maġġoranza f’San Pawl il-Baħar u żied il-maġġoranza f’lokalitajiet oħra, semma’ wkoll ix-xogħol li jmiss għall-partit bi tħejjija għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Fost dawn, l-elezzjoni ta’ 18-il rappreżentant tal-kunsilliera ġenerali tal-Partit fl-Eżekuttiv u l-elezzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Partit, fosthom il-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali ġdid.