Komplew ħerġin aktar dettalji tar-rejd minn truppi speċjali Amerikani fis-Sirja kontra bażi tal-ISIS.
Il-Gvern Amerikan, meta ħabbar li kien sar l-attakk, qal li fih kien inqatel Abu Sayyaf, li kien jieħu ħsieb il-kummerċ fiż-żejt għall-ISIS. Issa sorsi fis-Sirja żiedu li miegħu nqatlu 32 membru ieħor tal-grupp fosthom dak meqjus bħala d-deputat Ministru tad-Difiża tal-ISIS kif ukoll uffiċjal ieħor responsabbli mill-kommunikazzjonijiet.
L-attakk twettaq f’al-Omar, wieħed mill-akbar bjar taż-żejt fis-Sirja fil-Provinċja ta’ Deir Ezzor.
Skont Rami Abdel Rahman il-kap tas- Syrian Observatory for Human Rights, meqjus sors ewlieni ta’ dak li qed jiġri fis-Sirja, tlieta mill-uffiċjali għolja tal-ISIS li nqatlu kienu mit-Tramuntana tal-Afrika filwaqt li ieħor kien Sirjan. Abu Sayyaf hu mifħum li kien Tuneżin. Il-mara tiegħu, Umm Sayyaf, inqabdet priġuniera mit-truppi Amerikani għaliex suspettat li kellha sehem importanti fit-tmexxija tal-ISIS filwaqt li tifla li ntqal jidher li kienet qed tinżamm bħala skjava, inħelset mit-truppi Amerikani li ntqal kienu mit-taqsima “Delta”.
L-attakk kellu l-approvazzjoni diretta tal-President Barack Obama u kienet l-ewwel darba li truppi Amerikani ntbagħtu biex jikkonfrontaw l-ISIS fis-Sirja.
Aktar dettalji dwar ir-rejd tad-Delta Force fis-Sirja
