Lokali

Għandu mandat elettorali biex jibni universita’ f’art ODZ

Joseph Muscat jgħid li għandu mandat elettorali biex isir il-proġett tal-universita’ fiŻ-Żonqor. Dan għaliex il-programm elettorali jgħid li l-Partit Laburista irid jibni t-tieni universita’ u li jwieżen lin-Nofsinhar ta’ Malta.

Id-diskors tal-Prim Ministru Muscat jikkuntrasta sew ma’ dak li qalet id-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li qalet li dan il-proġett imur kontra l-mandat elettorali tal-Partit Laburista, li kien wiegħed ma jkomplux isiru progetti li jwettqu sfreġju fuq l-ambjent.

Biex jiġġustifika dan il-progett li se jeqred 90 tomna art agrikola u vergni biex jingħataw lill-privat biex jibni universita’ privata, Muscat attakka numru ta’ proġetti li kienu ta’ fejda għall-poplu Malti f’bosta oqsma, fosthom l-iskejjel tal-Istat f’Ħal Kirkop u fil-Mosta, l-Isptar Mater Dei u d-dar tal-anzjani tal-Mellieħa.

Muscat iġġustifika n-nuqqas ta’ konsultazzjoni sa issa għax ma kien hemm xejn fuq x’tikkonsulta u li l-ftehim li kien iffirmat dan ix-xahar mal-Kap Eżekuttiv ta’ Sadeen Group Hani Salah “lanqas biss hu konvenju.” M’hemmx x’tikkonsulta fuq oġġett li għadu fl-arja, qal Muscat.

Hekk kif wieġeb lill-Arċisqof Charles J Scicluna biex isib post alternattiv hu għal dan il-proġett, il-PM tenna li l-Gvern qed jisma’ għal suġġerimenti fattibbli li jissodisfaw iż-żewġ kriterji: li ssir l-Universita’ u li ssir fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan, qal Muscat se jkun eżerċizzju ta’ trasparenza bla preċedent.

Għal darb’ohra Muscat reġa’ semma l-impjant ta’ tisfija tad-drenagg f’Ta’ Barkat li skont hu, flok tejjeb l-ambjent niġġżu u li hu prova tad-diskriminazzjoni li kienet issir fil-konfront tan-Nofsinhar ta’ Malta. Li naqas li jsemmi Muscat hu li dan l-impjant hu wieħed minn tlieta, bit-tnejn l-oħra ikunu f’Għawdex u fil-limiti tal-Mellieħa u li permezz ta’ dawn l-impjant, tjiebet il-kwalita’ tal-baħar madwar il-Gżejjer Maltin.