Internazzjonali Saħħa

Ħtieġa għal impenn kollettiv kontra s-‘superbugs’

Il-kumpanniji tal-mediċina jeħtieġu l-ekwivalenti ta’ 25 biljun lira Sterlina biex jiġġieldu kriżi tal-mard jew is-‘superbugs’ li diffiċli li jkunu kkontrollati u li qed jheddu l-ħajja ta’ 10 miljuni madwar id-dinja.

Il-konsulenti tal-Gvern Britanniku qalu li l-kumpanniji jeħtieġu ‘dawn il-biljuni’ għaliex il-ħażniet tal-antibiotiċi m’għadhomx daqstant effettivi kontra l-mikrobi u l-viruses li saru reżistenti għall-mediċini.

Skont l-ekonomista ewlieni, Jim O’Neill, dawk kollha li jħallsu t-taxxa jeħtieġu jissussidjaw il-kumpanniji kbar tal-farmaċewtika jekk dawn għandhom jizviluppaw il-ħażniet ġodda ‘u kruċjali’ tal-antibiotiċi fl-għaxar snin li ġejjin.

O’Neill wissa li s-‘superbugs’ — jew infezzjonijiet li jirreżistu l-antibiotiċi — għandhom joqtlu mal-10 miljuni fis-sena sal-2050, f’każ li l-awtoritajiet ma jikkonfrontawx il-kwistjoni b’urġenza.

L-ekonomista kompla li l-mediċini ġodda meħtieħa m’humiex qed ikunu żviluppati malajr biżżejjed. U waqt li ma nstabet l-ebda klassi ġdida ta’ antibiotiċi mill-1987 ‘il hawn, hu minnu li qed tfeġġ infezzjoni ġdida u ta’ potenzjal qattiel, almenu darba fis-sena.