Lokali

Il-Gvern Laburista mhux veru huwa interessat f’siti alternattivi għall-Universitá – Simon Busuttil

Il-Gvern Laburista mhux veru huwa interessat f’siti alternattiv għall-Università.

Saħaq dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta nhar il-Ħadd filgħodu kien qed jindirizza attivita politika fil-Każin tal-PN ta’ Ħal Balzan.

Simon Busuttil qal li Joseph Muscat xejjen għal kollox il-proposta tal-Oppożizzjoni li s-sit tal-Petroleum Division jintuża għall-Università minħabba li, skont hu, is-sit ma jistax jitnaddaf f’sentejn. Simon Busuttil żvela wkoll li l-kunsilliera tal-PN f’B’Bugia ressqu mozzjoni biex il-Gvern jistudja l-vijabilità ta’ dan is-sit iżda l-mozzjoni ma sabitx l-appoġġ tal-kunsilliera Laburisti.

Simon Busuttil qal li, permezz ta’ din il-proposta, Joseph Muscat irnexxielu jgħaqqad lil kulħadd kontra tiegħu – inkluż lid-Deputat Laburista Marlene Farrugia. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wissa li wieħed issa għandu jistenna xita ta’ theddid u insulti kontra kull min ħareġ kontra dan il-proġett u rrefera għall-attakki tad-Deputat Laburista Luciano Busuttil fuq Marlene Farrugia fuq Facebook.

Simon Busutil qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista huwa diżappuntat bil-MEPA li llum saret ġugarell f’idejn il-Partit Laburista u li, minflok ħarset żoni ODZ, identifikat żona ODZ biex isir bini fuqha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li, jekk ikun fil-gvern, il-Partit Nazzjonalista se jpoġġi l-qasam ambjentali bħala l-ogħla prijorità għal pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil Joseph Muscat biex ma jibqax iwebbas rasu u saħaq li l-Partit Nazzjonlista se jkun it-tarka tal-ambjent f’pajjiżna.

Hekk kif ninsabu ftit jiem ’il bogħod mill-ħatra tal-Kumitat Eżekuttiv u mill-għażla ta’ Segretarju Ġenerali ġdid, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-persuna li tintagħżel għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali għandha tiffoka fuq din il-kariga. L-għan aħħari, saħaq Simon Busuttil, huwa li, meta n-nies jixbgħu mill-gideb u l-arroganza ta’ Joseph Muscat, għandhom isibu fil-Partit Nazzjonalista partit frisk, dinamiku u mibni fuq l-onestà li jista’ jkun il-Gvern alternattiv ta’ pajjiżna.