Illum waranofsinhar saret l-awtopsja fuq il-katavru tal-Filippin, li minnha rriżulta li l-barrani li nstab mejjet f’għadira demm abbord il-bastiment MV Elbella miet kawża tal-feriti li ġarrab fil-parti ta’ fuq ta’ ġismu minn strument li jaqta’ u bil-ponta. Madankollu, għadu ma kienx stabbilit b’ċertezza jekk dan huwiex każ ta’ delitt jew suwiċidju.
Aktar testijiet fuq id-demm elevat minfejn instab mejjet il-Filippin mistennija jwasslu biex ikun determinat x’wassal għall-mewt. Dan is-sit qed jivela x-xena tal-għadira demm li nstab fiha l-katavru.
Aktar kmieni …
Il-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien ma’ dawk tad-Distrett qed jinvestigaw is-sejba ta’ baħri mejjet abbord bastiment tal-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija fil-Port Ħieles. Jidher li l-baħri, ta’ nazzjonalità Filippina, miet kaġun ta’ daqqiet ta’ sikkina f’partijiet differenti ta’ ġismu.
Il-baħri nstab mejjet tard ilbieraħ filgħaxija abbord il-bastiment ‘MV Elbella’ meta xi baħrin li kienu abbord indunaw bih u talbu l-assistenza tal-Port Ħieles biex fil-post tintbagħat Ambulanza. B’hekk, tkun tista’ tingħta l-ewwel għajnuna lill-baħri, li kien mitluq fl-art.
Madankollu, it-tim mediku li ntbagħat fil-post sab li l-baħri kien diġà mejjet. Hu kien mitluq fl-art imdawwar f’għadira demm. Fl-istess inħawi tal-katavru, instabu wkoll żewġt iskieken. Għalkemm s’issa l-Pulizija għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali dwar dan il-każ, hu mifhum li xejn mhu qed ikun eskluż.
Sadanittant, bis-sejba kien infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jgħinu fl-Inkjesta Maġisterjali, fosthom tim mit-Taqsima tal-Forensika.
//= $special ?>