Il-Ministri Ewropej għad-Difiża u l-Affarijiet Barranin ftit tal-ħin ilu approvaw il-pjani biex titwaqqaf qawwa navali li tikkumbatti lit-traffikanti tal-bnedmin li qed imexxu l-vjaġġi tal-immigranti illegali mil-Libja.
Il-pjani jibbażaw ukoll fuq missjoni militari intiża biex jinqerdu d-dgħajjes li qed jużaw it-traffikanti biex jaqsmu bl-immigranti lejn l-Ewropa.
Il-Ministri li ltaqgħu fi Brussell anki ddiskutew l-istruttura tat-tmexxija ta’ din il-missjoni. L-inizjattiva hi parti mir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal ammonti kbar tal-immigranti irregolari li ġejjin mill-Afrika u l-Lvant Nofsani u li qed jagħmlu minn kollox biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.
Din is-sena mietu ‘l fuq minn 1,800 immigranti b’konsegwenza ta’ dawn il-vjaġġi fil-Mediterran. Iċ-ċifra tindika li l-ammont ta’ dawn il-vittmi żdied b’għoxrin darba fuq in-numru tal-immigranti li mietu fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-oħra waqt il-vjaġġi illegali lejn l-Ewropa.
//= $special ?>